Il-ħajja u s-sehem attiv fil-komunità huma t-triq ’il quddiem biex niżguraw inklużjoni vera għall-ġid komuni.
Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela waqt żjara li għamel lil erba’ żgħażagħ b’diżabilità, f’Dar Warda f’Pembroke.
Din id-dar residenzjali fil-komunità, taqa’ taħt il-kappa tal-Aġenzija Sapport u fiha, żgħażagħ bejn l-14 u d-19-il sena, bis-sostenn ta’ diversi support workers, mhux biss tgħinhom itejbu l-ħiliet tagħhom, iżda wkoll jingħataw attenzjoni individwali skont il-ħiliet u l-interessi tagħhom.
Dawn iż-żgħażagħ jiġu ppreparati biex jgħixu ħajja aktar indipendenti.
Fil-fatt, ta’ kull ġimgħa, jmorru jagħmlu x-xirja għall-bżonnijiet ta’ kuljum, akkumpanjati mis-support workers.
Dan filwaqt li jingħataw sostenn biex jitħarrġu f’dak li jinteressahom, kemm jekk huwa l-istudji tagħhom, it-tpinġija jew anke sport bħal ma hu l-għawm.
Waqt din iż-żjara, il-Prim Ministru akkumpanjat mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna, qal li permezz ta’ dawn ir-residenzi, mhux biss qed jiġi offrut ambjent xieraq għal dawn iż-żgħażagħ, iżda wkoll qed isir investiment fl-abbilitajiet tagħhom, sabiex ikompli jimxu ‘l quddiem u jwettqu l-ħolm tagħhom.
Żied jgħid li għall-Gvern, id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilita imorru id f’id mal-ugwaljanza, u minkejja li żdiedet ir-rata ta’ persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol, il-Gvern hu kommess li jibqa’ jistinka sabiex kull persuna b’diżabilità tingħata l-appoġġ kollu li jeħtiġilha.
Żied jgħid li filwaqt qed ikomplu jiżdiedu dawn it-tip ta’ residenzi fil-pajjiż, qed isir investiment ukoll f’servizzi ġodda, fosthom dak ta’ assistent personali li qegħdin jgħinu sabiex iħallu lil dawn it-tfal u żgħażagħ jgħixu ħajja attiva fil-komunità li trabbew fiha.
Fil-fatt, din id-dar hi waħda min-numru ta’ postijiet li l-aġenzija tmexxi fil-komunità f’diversi lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex bis-servizz ta’ Supported Independent Living, li kien ċentrali fil-politika tal-gvern għall-inklużjoni, fl-aħħar snin.
Dan is-servizz hu maħsub biex joffri spazji aċċessibbli u ambjent fejn persuni b’diżabilità jistgħu jtejbu l-ħiliet tagħhom billi jsegwu pjanijiet mħejjija speċifikament għalihom, skont il-bżonnijiet tagħhom sabiex eventwalment huma jkunu jistgħu jgħixu fil-komunità b’mod indipendenti.
Fil-preżent, 90 persuna qed jibbenefikaw minn dawn il-programmi, filwaqt li Aġenzija Sapport, għaddejja b’ħidma biex jinfetħu aktar faċilitajiet tranżitorji, fosthom f’Ħal Kirkop u l-Qrendi filwaqt li dar f’Ħad-Dingli ser tkun qed tinfetaħ biex tintuża għal servizzi ta’ respite.
Mal-mikrofonu ta’ ONE News, Oliver Scicluna tenna l-importanza tal-investiment f’servizzi ta’ din ix-xorta, li jħejju aktar żgħażagħ b’diżabilità għal ħajja indipendenti fil-komunità.
Qal, “Ikollna nies, għada pitgħada jkunu jridu joħorġu minn din id-dar, u għalhekk inżommuhom bħala djar tranżitorji biex lill-individwi nġiegħluhom u ngħinuhom jaslu għax-xewqat tagħhom li fl-aħħar mill-aħħar, dak l-iżjed ħaġa importanti għalina, li nimxu skont ix-xewqat ta’ persuni b’diżabilità.”
Mistoqsi dwar il-frott li ħalliet iż-żjara tal-Prim Ministru, Scicluna wieġeb hekk.
Qal, “Mingħajr dubju, il-persuni li r-residenti f’din id-dar ħadu pjaċir ħafna li mar iżurhom il-Prim Ministru. Jiġifieri anke għall-fatt li wieħed mir-residenti tinteressah ħafna l-politika u x-xena politika f’Malta, u din xi ħaġa li forsi ma naħsbux fuqha meta naħsbu f’nies b’diżabilità.”