Il-Prim Ministru Robert Abela żar ix-xogħlijiet estensivi ta’ restawr u rinovar li għaddejjin bħalissa fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta b’investiment ta’ madwar €28 miljun.
Ix-xogħlijiet ta’ dan il-proġett li daħlet għalih Heritage Malta, se jkunu qed jagħmlu dan il-Palazz aktar aċċessibbli u attraenti għall-viżitaturi biex ikunu jistgħu jgawdu u japprezzaw l-istorja li ħallewlna missirijietna.
L-ewwel fażi tal-proġett, li se titlesta sa nofs l-2022, qed tiġi kofinanzjata mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għas-somma ta’ €10 miljun, filwaqt li l-fażi suċċessiva, li se tiswa madwar €18-il miljun, se tkun iffinanzjata mill-gvern Malti u se jkun komplut sas-sena 2025.
Matul din is-sena tlestew ukoll ix-xogħlijiet ta’ bdil tas-soqfa tal-konkos tal-istess kurituri, li nstab li kienu fi stat ħażin wara li nkixfu meta beda r-restawr tas-soffitti impittra. Dawn reġgħu nbnew kif kienu oriġinarjament, bix-xorok u travi tal-injam.
Fi ftit ġimgħat oħrajn, se jibda xogħol estensiv, parzjalment iffinanzjat minn fondi Ewropej, biex l-Armerija terġa’ ssib postha fil-lok oriġinali tagħha, jiġifieri fis-sala fejn sa ftit snin ilu kien jiltaqa’ l-Parlament.
Jakkumpanjaw il-Prim Ministru waqt din iż-żjara kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.