Il-Prim Ministru Robert Abela żar ix-xogħlijiet, li għaddejjin fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Futbol f’Ta’ Qali, fi proġett ta’ importanza f’dik li hi l-infrastruttura sportiva u parti essenzjali mill-istrateġija tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA.
Dr Abela kien akkumpanjat minn delegazzjoni tal-istess MFA, immexxija mill-President Bjorn Vassallo, li, flimkien mal-periti responsabbli minn dan il-proġett, taw spjegazzjoni dettaljata tal-istadju preżenti kif ukoll il-pjani għall-futur.
Iċ-ċentru għandu l-għan li jkun il-qalba tal-futbol lokali, b’konformità mal-aqwa standards Ewropej. Il-proġett qed jiġi ffinanzjat b’għajnuna mill-Bank tal-Iżvilupp Malti, waqt li l-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali, l-NDSF, qed jidħol garanti.

F’din iż-żjara, il-Prim Ministru kellu wkoll l-opportunità li jiltaqa’ mal-plejers tat-Tim Nazzjonali tan-Nisa fit-taħriġ tagħhom.
Dan it-tim jinsab fi stadju storiku, hekk kif, b’rebħa kontra Ċipru fl-aħħar ta’ dan ix-xahar, jista’ għall-ewwel darba jikseb il-promozzjoni għall-Grupp B tan-Nations League, f’pass ieħor ’il quddiem għall-isport lokali u għall-ugwaljanza bejn is-sessi.
Il-Prim Ministru faħħar l-impenn tat-tfajliet u qal li jibqgħu l-ispirazzjoni għal ħafna oħrajn.
Dr Abela temm jgħid li din mhux biss kisba sportiva, imma suċċess nazzjonali li juri l-viżjoni tal-Gvern li jkompli jinvesti f’faċilitajiet u opportunitajiet għal kulħadd.
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru kien hemm il-Ministru responsabbli mill-Isports Clifton Grima u l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri.