Il-Prim Ministru Joseph Muscat żar il-qabar fejn jinsab midfun is-Sur Raymond Caruana li nqatel f’ attakk vjolenti fuq il-każin tal-Partit Nazzjonalista 30 sena ilu.
Il-Prim Ministru fakkar din it-traġedja bi tqegħid ta’ fjuri f’riġlejn il-qabar tas-Sur Caruana.
Il-Prim Ministru ilu snin isostni li dawn l-avvenimenti u l-qtil ta’ Raymond Caruana u Karin Grech, fost oħrajn, huma tebgħa sewda fuq l-istorja ta’ pajjiżna, u li flimkien għandna ningħaqdu biex qatt iktar ma jirrepetu ruħhom.
Wara li snin ilu bħala Kap tal-Oppożizzjoni kien iltaqa’ ma’ membri tal-familja Caruana, il-Prim Ministru ħass li kien wasal iż-żmien, f’dan l-anniversarju, li jagħti ġieħ lil vittma ta’ aġir kundannabbli għall-aħħar li jappartjeni biss għall-passat ta’ pajjiżna.