Il-Prim Ministru Robert Abela żar lill-ħaddiema fil-lukanda l-ġdida tal-Embassy fil-Belt Valletta li saret b’invesitment ta’ €13-il miljun.
Il-lukanda ta’ erba’ stilel hija l-akbar waħda fil-Belt Valletta u hija parti minn proġett ambizzjuż li sar fil-kumpless Embassy.
Il-proġett inkluda rinovazzjoni ta’ 11-il sular, bil-lukanda Embassy tinkludi 81 kamra, żewġ restoranti, bar, kamra mgħammra għal-laqgħat, pixxina fuq il-bejt b’temperatura kkontrollata sabiex tintuża s-sena kollha u kmamar tal-fitness u sbuħija.
L-Embassy li ma ħafna baqgħet sinonima maċ-ċinema inkludiet ukoll sitt swali taċ-ċinema, b’waħda żgħira li tista’ tinkera bħala ċinema privata u xi ħwienet oħra, li ħadu l-opportunità sabiex ikabbru l-ispazju tagħhom.
Waqt iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela nnota b’sodisfazzjon dan l-investiment u tenna li għalkemm kulħadd għadu kawt minħabba li l-pandemija m’għaddietx, l-operaturi fis-settur turistiku wkoll jemmnu li ġej żmien aħjar.
“Tajt il-kelma li l-appoġġ tagħna bħala gvern se jibqa’ hemm u li m’għandniex naqtgħu qalbna, kif wara kollox jixhed l-investiment li sar f’dan il-kumpless”, qal il-Prim Ministru Abela.
Id-Direttur Maniġerjali Bettina Azzopardi qalet li dan il-proġett jirrifletti l-viżjoni tal-kumpanija li toħloq post ta’ akkomodazzjoni u rikreazzjoni mill-aktar modern u komdu fiċ-ċentru tal-Belt Valletta.
Azzopardi temmet tesprimi l-ottimżmu tagħha għall-fatt li issa reġa’ fetaħ is-suq turistiku f’Malta. Fil-fatt spjegat li d-domanda li qed ikollhom għall-akkomodazzjoni fil-lukanda għax-xhur li ġejjin hija waħda inkoraġġanti ħafna u b’hekk qed jistennew sajf mill-aktar pożittiv.