Bi tħejjija għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f’Malta iktar tard din is-sena, il-Gvern investa €5 miljun fit-taħriġ tal-atleti, kif ukoll miljuni ta’ ewro oħra fit-titjib tal-faċilitajiet.
Dan apparti li qed isir investiment ukoll f’numru ta’ faċilitajiet li jmorru lil hinn mil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
Dan intqal fi żjara li għamel il-Prim Ministru Robert Abela fil-Kumpless Sportiv ta’ Bormla, fejn tkellem mal-amministraturi ta’ Sport Malta dwar l-investiment li qed isir fis-settur sportiv, kemm fl-atleti kif ukoll fil-faċilitajiet sportivi.
Il-Prim Ministru kellu ċans jiltaqa’ ma’ wħud minn dawn l-atleti li spjegaw kif qed jitħejjew għal dawn il-Logħob u anke fissru l-entużjażmu li jeżisti fost il-komunità sportiva lokali għal din l-opportunità.
Filwaqt li awgura lil dawn l-atleti, il-Prim Ministru radd ħajr lit-tim ta’ Sport Malta tax-xogħol li qed jagħmel taħt id-direzzjoni tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport.
Fl-istess żjara, il-Prim Ministru kellu wkoll iċ-ċans li jżur il-pixxina tal-ogħla livell li se ssir parti mill-kumpless u li se tkun waħda mill-aqwa faċilitajiet sportivi fil-pajjiż.
Il-pixxina hi tad-daqs Olimpiku ta’ 5,000 metru kwadru, b’tul skont ir-rekwiżiti mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Għawm u se tkun mgħammra bl-aħjar teknoloġija fosthom dik tal-bulkheads. Il-ħtieġa li l-isport ikun parti integrali mill-ħajja ta’ kull ċittadin hija wkoll ċentrali fil-politika tal-gvern, tant li l-ħsieb hu li l-faċilitajiet ikunu aċċessibbli kemm jista’ jkun.
Fil-fatt, fil-kumpless sportiv, il-Prim Ministru kellu ċ-ċans isegwi attivitajiet sportivi għal tfal ta’ età ċkejkna organizzati minn skejjel differenti f’dawn il-faċilitajiet.