Fil-villaġġ li nbena fil-belt ta’ Gold Coast għall-kontinġenti li se jieħdu sehem fil-logħob tal-Commonwealth, il-Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa’ mal-24 atleta li fil-jiem li ġejjin se jirrappreżentaw lil pajjiżna f’numru ta’ dixxiplini sportivi.
Milqugħ mix-Chef de Mission tal-kontinġent Malti Paul Sultana, il-Prim Ministru żar il-faċilitajiet fejn l-atleti Maltin, 14-il mara u 10 irġiel, qed jgħixu u jitħarrġu għall-kompetizzjonijiet li se jkunu involuti fihom—l-atletika, iċ-ċikliżmu, il-ġinnastika, lawn bowls, squash, sparar, wrestling u weightlifting.
Fid-diskors tiegħu, Dr Muscat awgura lill-atleti Maltin li jieħdu gost bil-parteċipazzjoni tagħhom fil-logħob tal-Commonwealth u li jsarrfu l-frott tal-preparazzjoni tagħhom b’pożizzjonijiet tajbin fil-klassifiċi. “Konvint li se tipparteċipaw bi kburija u tagħmlu unur lil Malta”, qal il-Prim Ministru.
Flimkien mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima, Dr Muscat qassam tifkira tal-okkażjoni lil kull atleta Malti kif ukoll lill-uffiċjali kollha tal-kontinġent.
Malta għamlet id-debutt tagħha fil-logħob tal-Commonwealth fl-1958 ġewwa Cardiff, u fit-12-il edizzjoni li ħadet sehem fihom rebħet erba’ midalji fil-judo u fl-isparar.