Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-Junior College u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS.
Fil-Junior College, hu ltaqa’ ma’ għadd ta’ studenti, fosthom dawk li bdew din l-esperjenza ġdida Post-Sekondarja, u wassal messaġġ importanti li ż-żgħażagħ iridu jkunu l-protagonisti biex jaħtfu l-aqwa opportunitajiet li l-pajjiżi qed joffri fi żmien ta’ tranżizzjoni ambjentali u anke dik diġitali.
Il-Prim Ministru tenna li bil-ġid komuni nifhmu wkoll li l-investiment fl-edukazzjoni jkun għodda li jagħti ħiliet ġodda biex l-istudenti jieħdu l-aqwa biex meta jkunu fis-settur tax-xogħol ikollhom karrieri li jġibu kwalità ta’ ħajja, għax joffrulhom l-aqwa kundizzjonijiet u dħul b’saħħtu.
Meta, imbagħad, żar l-ITS, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif hawn qed isir xogħol imprezzabbli biex l-istudenti jkunu mħejjija jaħdmu f’qasam ukoll tant importanti għal pajjiżna.
Irrefera għall-investiment multi-miljunarju fil-kampus il-ġdid tal-ITS fi Smart City hu rrimarka li l-qasam tal-ospitalità wera kemm hu importanti għall-ekonomija tal-pajjiż. Għaldaqstant tenna li Malta teħtieġ tkompli tagħmel il-pass li jmiss, dak li tenfasizza iżjed fuq il-kwalità marbuta mal-prodott turistiku ta’ Malta u Għawdex.
Qal li l-investiment fl-istudenti jrid ikun rifless ukoll f’karrieri ta’ kwalità f’qasam li jrid joffri ambjent isbaħ u nadif għat-turisti u l-Maltin f’pajjiżna.
Matul din is-sena akkademika fil-Junior College hemm mal-elfejn student, waqt li l-ITS qed jara aktar minn sitt mija li qed jistudjaw fi ħdanu.