Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, żar l-uffiċini tal-Fondazzjoni Richmond f’Santa Venera li toffri bosta servizzi professjonali lil dawk il-persuni li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali.
F’din iż-żjara ġie spjegat kif stħarriġ mill-Fondazzjoni Richmond wera li l-pandemija laqtet is-saħħa mentali tan-nies fosthom anki bis-solitudni.
Matul is-sena li għaddiet, id-domanda għal servizzi ta’ terapija żdiedu b’madwar 500 sessjoni waqt li t-telefonati fuq il-linja ta’ għajnuna 1770 żdiedu b’erba’ darbiet biex laħqu total ta’ 3,600 telefonata.
Il-Fondazzjoni Richmond ingħatat appoġġ finanzjarju mill-Ministeru għas-Saħħa u s-Servizzi tas-Saħħa Mentali sabiex testendi s-servizz tal-Helpline 1770 u jibda jiġi offrut 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.
L-istudju wera wkoll li matul is-sena, l-impatt fuq is-saħħa mentali kawża tal-Covid-19 mistenni li jkun iktar qawwi, bl-esperti qed jenfasizzaw l-importanza li s-servizzi tas-saħħa mentali adegwati jkunu disponibbli sabiex itaffu l-effetti fit-tul.
Matul iż-żjara, il-Prim Ministru u d-Deputat Prim Ministru raw mill-qrib is-servizzi offruti mill-Fondazzjoni Richmond.
Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-gvern se jibqa’ impenjat li jipprovdi l-għajnuna kollha sabiex il-Fondazzjoni Richmond tibqa’ toffri l-aħjar servizz professjonali fil-qasam tas-saħħa mentali, partikolarment fix-xhur u fis-snin li ġejjin.
Min-naħa tiegħu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne radd ħajr lill-impjegati tal-Fondazzjoni filwaqt li afferma mill-ġdid l-impenn tal-gvern li jkompli jressaq is-servizzi tas-saħħa eqreb il-komunità.
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Richmond Anthony Guillaumier irringrazzja lill-Prim Ministru u lid-Deputat Prim Ministru tas-sostenn finanzjarju li ngħatat il-Fondazzjoni matul is-snin, fejn saħaq li n-nefqa ta’ €3 miljun fis-sena f’servizzi ma kinitx tkun possibbli mingħajr l-għajnuna tal-Gvern.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Stephania Dimech Sant qalet li Malta teħtieġ servizzi tas-saħħa mentali aktar varjati u b’riżorsi tajba fil-komunità.