Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żaru s-sit fejn qed jinbena ċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv ġdid fir-Rabat, Għawdex. Dan huwa proġett li qed isir grazzi għal investiment ta’ disa’ miljun ewro li se jinkludi pixxina ta’ daqs olimpku fost l-oħrajn. Huma ngħataw preżentazzjoni dettaljata tal-proġett mill-Perit Godwin Sultana, li qed imexxih.
Il-Prim Ministru Abela qal li l-Gvern jemmen fl-isport u qed juri biċ-ċar li se jkompli jinvesti f’Għawdex, fl-Għawdxin u fiż-żgħażagħ bil-għan li jkomplu jilħqu l-aspirazzjonijiet f’ħajjithom.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li dan il-proġett se jinkludi wkoll diversi faċilitajiet sportivi li mhux biss se jkunu jistgħu jintużaw u jitgawdew mill-poplu Għawdxi, iżda permezz tagħhom Għawdex se jibda jattira lejh turiżmu sportiv.
Bħalma tħabbar fil-Budget għas-sena d-dieħla, il-Gvern huwa kommess li jwettaq dan il-proġett tant mistenni mill-Għawdxin, b’mod partikolari minn dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-isport.
Il-proġett mistenni jitlesta sas-sena d-dieħla.



