Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, żar il-lokalità tal-Isla fejn iltaqa’ ma’ residenti, ma’ sidien tan-negozji, u ma’ membri attivi fil-komunità permezz tal-volontarjat.
Fiż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru sema’ l-ideat u l-kummenti tan-nies dwar il-lokalità, filwaqt li seta’ jsegwi x-xogħol li jagħmlu l-volontiera li tant jaħdmu biex fl-Isla jsiru attivitajiet u inizjattivi diffreenti.
Il-Prim Ministru seta’ jsegwi wkoll xogħol infrastrutturali li għaddej kemm fuq it-triq ewlenija tal-lokalità kif ukoll fid-daħla tal-Isla.
Din il-lokalità wkoll qed tibbenefika mill-investiment rekord fi proġetti li qed jagħmel il-gvern fil-Kottonera.
Fl-Isla, diversi proġetti qed isiru wkoll bi sħubija ma’ kunsill lokali proattiv li dejjem jaħdem favur ir-residenti b’mod pożittiv billi jkun minn ta’ quddiem biex iressaq ’il quddiem soluzzjonijiet u proposti.
F’kumment ma’ ONE News, is-sindku tal-Isla Clive Pulis qal li kien ta’ sodisfazzjon li l-Prim Ministru Robert Abela qed ikun viċin iS-Sengleani u jisma’ l-opinjonijiet tagħhom.
Qal “Huwa ta’ sodisfazzjon li lbieraħ ilqajna lill-Prim Ministru Robert Abela fil-lokalità tal-Isla. Ħa pjaċir jiddiskuti mar-residenti, mas-sidien tal-ħwienet, mal-għaqdiet volontarji li jaħdmu matul is-sena fil-lokalità tal-Isla. Żorna partijiet mix-xogħol li sar ġewwa l-lokalità b’investiment ta’ gvern Laburista, fosthom il-proġett tad-daħla tal-Isla u t-triq prinċipali, li qed issir minn Infrastructure Malta. Dan huwa sinjal li għamel il-Prim Ministru u li, kif dejjem jgħidilna, nibqgħu viċin in-nies u nisimgħu l-opinjonijiet tagħhom.”