Fil-marġini tal-laqgħa tal-Kabinett tal-Ministri dwar il-Volontarjat, il-Prim Ministru Robert Abela żar ir-residenti u l-ħaddiema fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi.
Milqugħ mid-Direttur tar-Residenza, Fr Martin Micallef, il-Prim Ministru ngħata merħba sabiħa mir-residenti f’Sala San Pawl fejn sema’ mingħandhom l-esperjenzi varji f’din id-dar.
Hu żar ukoll il-kamra tal-mużika, kamra speċjalizzata biex ir-residenti jkollhom sessjonijiet tal-mużika b’mod individwali jew fi gruppi, li sservihom ta’ terapija.
Fil-kappella tar-Residenza, il-Prim Ministru żar l-esebizzjoni ta’ Dun Mikiel Azzopardi, il-fundatur tad-Dar tal-Providenza.
Hawnhekk seta’ jara wkoll ix-xogħlijiet li għaddejjin fuq appartament bl-isem ta’ Anġlu Kustodju, appartament li se jkun qed jilqa’ aktar residenti fid-dar.
Iż-żjara ntemmet bil-Prim Ministru jiffirma l-ktieb tal-viżitaturi tad-Dar tal-Providenza.
Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli.