L-appelli kontinwi għall-għoti tad-demm qed jiġu milqugħa, hekk kif fi tmiem il-ġimgħa li għadda, mija u disgħa u tmenin donatur żaru ċ-Ċentru Nazzjonali għat-Trasfużjoni tad-Demm.
Fi żjara li għamel il-Prim Ministru Robert Abela, kien spjegat li pazjenti li fiequ kompletament mill-coronavirus u huma eliġibbli li jagħtu d-demm, qed jiġu avviċinati għad-donazzjonijiet hekk kif potenzjalment jistgħu jkunu ta’ għajnuna għal dawk infettati serjament bil-virus.
Akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem mal-ħaddiema fil-Bank tad-Demm, fejn madwar sebgħin impjegat, jieħdu ħsieb sbatax-il elf servizz tad-donazzjoni kull sena.
In-numru ta’ donazzjonijiet ta’ demm meħtieġa kuljum huwa bejn ħamsa u tletin, u erbgħin borża, iżda dan mistenni jiżdied għal bejn erbgħin u ħamsin borża kuljum hekk kif l-isptar mistenni jmur lura għan-normalità fil-ġimgħat li ġejjin.
Intant, il-Prim Ministru żar ukoll id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fejn bħalissa hemm seba’ timijiet li qed jaħdmu bla heda biex jinfurzaw l-Att dwar is-Saħħa Pubblika u d-diversi avviżi legali li ġew ippubblikati taħtu.
Tul dawn il-ġimgħat saru aktar minn sitta u għoxrin elf spezzjoni fir-rigward tal-miżuri tal-kwarantina, filwaqt li saru aktar minn elf u tliet mitt spezzjoni fil-ħwienet bl-imnut.
Fi żjara oħra, il-Prim Ministru rringrazzja lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci u lit-tim immexxi minnha għall-ħidmiethom.
Aktar tard, Dr. Abela żar ukoll l-Isptar Karin Grech fejn ingħata rendikont tal-ħidma li saret fl-aħħar ġimgħat.
Fost l-oħrajn, żdiedu tmienja u għoxrin sodda ġdida għal pazjenti bil-coronavirus li ma jkollhomx bżonn kura intensiva.
Sar ukoll xogħol ta’ rinovar f’sala oħra li nbidlet mill-ġdid f’sezzjoni ta’ kwarantina.
Fi tmiem iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru qal li jinsab grat ħafna għax-xogħol tal-ħaddiema kollha fis-settur tas-saħħa, u appella biex b’kuraġġ inkomplu nħarsu ’l quddiem għal ġejjieni pożittiv.