Il-Prim Ministru Robert Abela żar l-uffiċini tal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Down Syndrome fil-Belt Valletta fejn persuni bid-Down Syndrome mexxew kafetterija għal ġurnata – Coffee with us.
Din l-attività li kienet miftuħa għall-pubbliku, ċċelebrat l-inklużjoni, fejn dawn iż-żgħażagħ kellhom l-opportunità li jkomplu jintegraw fis-soċjetà u jħaddmu l-ħiliet tagħhom, bil-ħsieb hu li tibqa’ ssir kull xahar.
Il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif attività bħal din tipprepara iżjed lil dawn il-persuni għad-dinja tax-xogħol u hija eżempju ċar ta’ inklużjoni fil-prattika.
Huwa tenna li fil-ħidma tal-Gvern tibqa’ dejjem ċentrali l-ġustizzja soċjali u li kull persuna twettaq il-ħolm tagħha f’pajjiżha.
Meta tkellem mat-tmexxija tal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Down Syndrome, il-Prim Ministru Robert Abela rringrazzjahom tal-ħidma imprezzabbli li qegħdin iwettqu ta’ kuljum.
Din is-sena saru diversi xogħlijiet ta’ rinnovar u manutenzjoni f’dawn l-uffiċini wara investiment li sar mill-Gvern b’ħidma mill-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur.