Id-distakk bejn iż-żewġ mexxejja politiċi żdied.
Stħarriġ li wettqet il-gazzetta Maltatoday ippubblikat fil-ħarġa tal-Ħadd juri li l-Prim Ministru Robert Abela huwa fdat 17% iktar mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Din il-fiduċja tittrasmetti f’riżultat elettorali ferm iktar b’saħħtu mill-aħħar elezzjoni ġenerali.
Fuq l-aħħar stħarriġ li kienet għamlet il-Maltatoday, Robert Abela żied il-fiduċja fih mill-elettorat biex issa fuq skala nazzjonali, il-Prim Ministru huwa fdat minn 48.4% u Bernard Grech huwa fdat 31.5%.
Robert Abela huwa fdat ferm aktar minn Bernard Grech f’kull kategorija ta’ età.
Maż-żgħażagħ, jiġifieri dawk li jgħoddu bejn it-18 u l-35 sena, il-Prim Ministru huwa fdat 15% iżjed mill-Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-fiduċja fil-Prim Ministru hija qawwija wkoll fil-kategorija anzjana, jiġifieri dawk li jgħoddu 65 sena jew aktar.
F’dik il-kategorija, il-Prim Ministru Dr. Robert Abela jgawdi fiduċja ta’ 23.3% aktar minn Bernard Grech.
Fl-istħarriġ li sar din il-ġimgħa, Robert Abela jgawdi iżjed fiduċja minn Bernard Grech kważi f’kull reġjun tal-pajjiż, iżda l-aktar fix-Xlokk ta’ Malta.
Interessanti li 4.4% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni ġenerali għandhom fiduċja f’Robert Abela.
Dan għal kuntrarju ta’ Bernard Grech li kiseb il-fiduċja biss ta’ 0.9% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-2017.
Hemm iktar ukoll votanti Nazzjonalisti li jħossu li m’għandhomx fiduċja fl-ebda mexxej.
Robert Abela għandu 87.4% tal-votanti Laburisti li jafdaw fih, għal kuntrarju ta’ 79.7% tal-votanti Nazzjonalisti li jafdaw fi Grech.
Intant 44.2% ta’ dawk li pparteċipaw fis-sondaġġ qalu li jivvutaw lill-Partit Laburista, għal kontra ta’ 32.4% li qalu li jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista.
Iż-żewġ partiti żiedu l-fiduċja iżda l-fiduċja fil-Partit Laburista żdiedet b’rata akbar mill-aħħar sondaġġ, tant li l-Partit Laburista kabbar il-fiduċja b’4%, li tfisser żieda ta’ madwar 8,000 vot fuq ix-xahar ta’ qabel.