Fl-għeluq tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru Robert Abela wissa kontra l-apatija li jrid jiżra’ l-Partit Nazzjonalista.
Fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, Dr Abela tkellem favur l-entużjażmu politiku fil-lokalitajiet, għall-kuntrarju ta’ dak li qal il-Partit Nazzjonalista, u sellem lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista.
“Mijiet ta’ persuni li lesti jagħtu ħinhom u t-talenti tagħhom. Imbagħad kellna lil dawk li jieħdu n-nifs ta’ kuljum billi jdaħħlu l-qtigħ il-qalb, qalulna m’hawnx interess. Imma erġajna urejna li f’dan il-pajjiż ma jirbaħx il-qtigħ il-qalb imma jirbaħ l-interess u l-entużjażmu li inti anki bħala mexxje trid timmotiva n-nies, timmotivahom biex joħorġu l-aqwa minnhom infushom.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela nnota kif l-interess ma jfissirx li wieħed jaqbel dejjem, anzi ħeġġeġ biex il-Partit Laburista jkun post li jilqa’ d-diskussjoni fi ħdanu.
“Imma d-diskussjoni aħna, id-diskussjoni li toħloq il-ħsieb liberu dejjem konna għadna u nibqgħu nilqgħuha f’dan il-Partit u hekk irridu nibqgħu.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Hawnhekk saħaq kif din id-diskussjoni trid tixpruna t-triq li jieħu pajjiżna.
“X’futur irridu għal dan il-pajjiż u dik id-diskussjoni imbagħad dak kollu li joħroġ minnha rridu nkomplu nimplimentawh għat-titjib tal-futur ta’ dan il-pajjiż. Pajjiż li rridu nibqgħu mmexxuh ’il quddiem u kunu miegħi ħalli nagħtu s-saħħa lil Malta.”
Il-Prim Ministru Robert Abela