F’laqgħa f’Kastilja mal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, il-Prim Ministru Robert Abela wera r-rieda tal-Gvern li jibqa’ jkun ta’ sostenn għan-negozji biex jibqgħu fiċ-ċentru tal-irkupru u t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna.
Dr Abela enfasizza li m’hemmx kompromessi mal-ħajja tan-negozji u fakkar kif dan il-Gvern ħareġ aktar minn €680 miljun f’għajnuna lin-negozju.
Qal li l-għajnuna fi ħlas tal-pagi se tibqa’ hemm sakemm ikun hemm bżonn.
Matul il-laqgħa ġew diskussi sfidi li jafu jaffaċċjaw in-negozji fix-xhur li ġejjin, fosthom il-prezzijiet tal-enerġija u l-ġarr tal-merkanzija u hawnhekk il-Prim Ministru tenna l-impenn tal-Gvern li jżomm il-prezzijiet stabbli kif għamel fil-passat.
Il-President tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, Paul Abela rringrazzja lill-Prim Ministru talli tul dawn l-aħħar xhur ittieħdu deċiżjonijiet importanti wara djalogu miftuħ filwaqt li ħeġġeġ għal aktar diskussjoni biex jinstabu soluzzjonijiet f’waqthom għall-ġid tan-negozji f’pajjiżna.