Waqt li wieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara l-inawgurazzjoni tal-pixxina Olimpika f’Bormla t-Tlieta filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela wieġeb għall-mistoqsijiet li sarulu dwar l-akkużi ta’ abbuż fil-benefiċċji soċjali, kif ukoll dwar l-investimenti f’faċilitajiet sportivi, bħal dak li kien preżenti għalih.
Fl-ewwel każ, Dr Abela kien ċar fejn qal li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru rrapporta lill-Korp tal-Pulizija u nġarret ir-responsabilità politika ferm qabel ġie rrapportat l-allegat każ fil-midja.
“Mhux ħa nikkummenta dwar involviment jew nuqqas ta’ involviment ta’ individwi għax hemm investigazzjonijiet li huma għaddejjin bi proċeduri li huma għaddejjin ukoll. Però, tajjeb li nfakkar li dak li ġie rrapportat il-Ħadd, ma kinitx xi skoperta ġdida, tant li jiena kont ħadt deċiżjoni politika, ferm lura fi żmien, proprju dwar dan l-istess każ li kienet waslet għal riżenja ta’ membru Parlamentari Laburista. Imma, aktar minn hekk u forsi ħafna aktar importanti minn hekk, kien il-fatt li mal-ewwel mument li Kastilja saret taf li kien hemm każ li kien suspettuż, is-Segretarja Permanenti responsabbli mill-People and Standards Division, immedjatament irreferiet il-każ lill-Korp tal-Pulizija. Il-Pulizija diġà bdiet bl-investigazzjonijiet tagħha u naturalment dawk l-investigazzjonijiet baqgħu għaddejjin u kien hemm numru ta’ proċeduri li ttieħdu.”
Meta mistoqsi, għal darba, darbtejn, dwar jekk hemmx xi membru Parlamentari involut, il-Prim Ministru wieġeb hekk.
“Konvint li mhemm l-ebda membru Parlamentari li b’xi mod idderieġa lil xi ħadd biex jagħmel xi irregolarità.”
Il-Prim Ministru stieden ukoll lill-ġurnalisti biex kull min għandu xi informazzjoni, li hi differenti minn dik li qed tiġi investigata diġà, biex jgħadduha lill-Korp tal-Pulizija.
Sadanittant, kif kien f’Bormla, Dr Abela indirizza wkoll mistoqsijiet dwar l-investiment sportiv li qed jagħmel il-Gvern, li kif inhu ċar qed ikompli jsaħħaħ l-opportunitajiet lill-atleti Maltin u Għawdxin.
“Tajjeb li ngħidu li din mhix l-unika pixxina li investejna bis-saħħa fiha, imma wkoll għandna l-pixxina fir-Rabat Għawdex, li tinsab fi stadju avvanzat, mhux pixxina biss, imma kumpless akwatiku sħiħ, kumpless sportiv sħiħ. U dan juri l-impenn u d-determinazzjoni ta’ dan il-Gvern, li kemm f’Għawdex u kif ukoll f’Malta jmexxi ’l quddiem proġetti infrastrutturali sportivi ta’ kwalità.”