Erba’ snin wara li nħatar Prim Ministru tkellimna fil-qosor ma’ Joseph Muscat bejn impenn u ieħor fi Brussell fejn reġa’ mexxa laqgħat tal-Kunsill Ewropew.
Għednielu li kellna għaxar mistoqsijiet diretti, li għalihom ridna tweġiba bi frażi waħda. Mhux faċli meta l-politiku mdorri jispjega d-deċiżjonijiet tiegħu. Iżda, rnexxielna.
Iddeskrivili l-ewwel ġimgħa f’Kastilja, erba’ snin ilu.
Eċitanti u impenjattiva
Kont tgħid li se jkollok l-aqwa Kabinett fl-istorja. Għadek temminha?
Ir-riżultati f’kull settur jitkellmu waħedhom
Liema hi l-iktar miżura li temmen li għamlet differenza fl-aħħar erba’ snin?
Hemm wisq – imma t-traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma laqtet lil kulħadd
X’kienet l-iktar deċiżjoni diffiċli li ħadt?
Ma kienx hemm waħda partikolari imma x’aktarx kienet is-serje ta’ deċiżjonijiet li kelli nieħu waqt l-attentat ta’ hijack fuq l-ajruplan tal-Air Afriqiyah
L-iktar mument ta’ sodisfazzjon?
Il-ġurnata meta f’Malta daħlet l-Unjoni Ċivili għall-koppji omosesswali
L-ewwel erba’ snin ksibt iktar jew inqas milli stennejt?
Ksibt dak li kont qed nistenna, fadal sena oħra, nittama li naqbeż l-aspettattivi
Spikkajt għar-rispett internazzjonali li ksibt lejn pajjiżna. X’wassal għal dan?
Dan wasal għax dejjem bqajt naħseb bħala Prim Ministru Malti f’forum internazzjonali fejn nifhem il-limitazzjonijiet tagħna mingħajr pretensjonijiet kbar però naf ukoll li għandna sehem daqs ħaddieħor
X’differenza bejn l-avversarji Gonzi u Busuttil?
Bejni u bejn Lawrence Gonzi kien hemm rispett
X’inhi l-ikbar sfida għall-aħħar sena tal-leġiżlatura?
Id-differenza bejn l-ewwel u l-aħħar sena mhux se tkun ir-ritmu tax-xogħol imma li dak li wettaqna nkunu qed nieħdu l-frott minnu
U l-ikbar opportunità?
Dak kollu li ksibna huwa biss in-nofs tat-triq li rridu nimxu flimkien