Malta kienet l-ewwel pajjiż li saħqet li ma jistax ikun hemm paċi fl-Ewropa, jekk ma jkunx hemm stabbilità fir-reġjun tal-Mediterran, b’dan qatt ma kien daqshekk relevanti daqs illum.
Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela fil-Berġa ta’ Kastilja, hekk kif laqa’ lill-membri tal-Korp Diplomatiku akkreditati għal Malta għal-laqgħa annwali tal-iskambju tal-awguri għas-sena l-ġdida.
Hawnhekk tkellem dwar il-konflitt fil-Lvant Nofsani, fejn għadda l-messaġġ għall-waqfien mill-ġlied permanenti u jkun hemm is-soluzzjoni ta’ żewġ stati.
Tkellem ukoll dwar il-Gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja, fejn saħaq li l-messaġġ ta’ Malta hu dak li fl-Ukrajna jkun hemm il-paċi u s-sovrenità ta’ dan il-pajjiż. Dr Abela qal li Malta kellha rwol biex tmexxi l’ quddiem il-paċi fl-Ukrajna, hekk kif f’pajjiżna kien hemm diskussjonijiet dwar il-paċi. Sostna li Malta tħares il’ quddiem għal-laqgħa dwar il-paċi fl-Ukrajna li se ssir fl-Iżvizzera f’dan ix-xahar.
Il-Prim Ministru semma wkoll li s-sena l-oħra f’Malta saru diskussjonijiet f’pajjiżna bejn l-ogħla diplomatiċi Amerikani u Ċiniżi.
Il-Prim Ministru Malti sostna li hekk kif din is-sena, pajjiżna se jibqa’ jkollu s-siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà fil-Ġnus Magħquda, se jibqa’ jimbotta l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-paċi u s-sigurtà madwar id-dinja.
Tkellem ukoll kif din is-sena Malta għandha f’idejha l-Presidenza tal-OSCE, fejn huwa ta’ unur li pajjiżna se jkollu dan l-irwol importanti għall-ewwel darba, fejn se tmexxi l-prinċipji ta’ din l-akbar organizzazzjoni reġjonali dwar il-koperazzjoni u s-sigurtà.
Tkellem ukoll dwar it-tibdil fil-klima, fejn semma li Malta attivament qed tgħin gżejjer stati żgħar biex tgħin fl-immaniġġjar tal-ilma b’mod sostenibbli.
Il-Prim Ministru Robert Abela temm id-diskors billi qal li din is-sena li għadna kemm bdejna, se tkun waħda li tfakkar bosta anniversarji. Fost dawn hemm is-sittin anniversarju minn meta Malta saret indipendenti, il-ħamsin sena minn meta Malta saret Repubblika, il-45 sena minn meta telqet il-bażi Ingliża minn pajjiżna u l-għoxrin sena mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.