“Il-Gvern jibqa’ jisma’ fosthom il-vuċi tat-tfal u ż-żgħażagħ, li mhumiex biss il-Maltin ta’ għada, iżda anki ċittadini tal-lum.”
Kien dan il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela waqt it-tnedija tal-proġett R.I.G.T.H.S., immexxi mill-Fondazzjoni Maltija għall-Ġid tas-Soċjetà.
Dan il-proġett soċjali sar permezz ta’ fondi Ewropej u ħidma b’koperazzjoni mal-Ministeri għall-Gvern Lokali u għall-Edukazzjoni, flimkien mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
F’diskors li għamel, il-Prim Ministru sostna kif fil-ġimgħat li ġejjin se jibda jitlaqa’ uffiċjalment il-Youth Advisory Forum. Dan wara li saru l-interview minn bord tal-għażla apposta li fih kien hemm ukoll ir-rappreżentanza tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.
Dr Abela tenna li pajjiżna għamel bidliet kbar fit-tisħiħ tal-vuċi taż-żgħażagħ fosthom bil-Vot 16 u anki permezz tal-introduzzjoni ta’ emenda legali li twassal biex tirrispetta l-vot fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fit-totalità tiegħu, f’każ li l-komunità taħtar żagħżugħ ta’ 16 jew 17-il sena biex jokkupa l-kariga ta’ Sindku jew Viċi-Sindku.
Il-Prim Ministru Robert Abela semma wkoll li l-garanzija għat-tfal, li hija wegħda elettorali tal-Gvern immexxi minnu, li permezz tagħha se ssaħħaħ il-vuċi tat-tfal, permezz ta’ investiment wiesgħa.
Dan il-proġett qed jitmexxa mill-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca u ma’ ONE News spjegat l-għan tiegħu.
“Il-proġett huwa maħsub biex ninżlu fil-komunitajiet flimkien mal-Kunsilli Lokali, flimkien mal-iskejjel u allura b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeri biex inħeġġu t-tfal isiru ċittadini attivi, ħassieba kritiċi u jipparteċipaw fil-ħajja tal-komunità permezz tal-Kunsilli tagħhom.”
ONE News tkellem ukoll mal-Kummissarju għat-Tfal, li laqgħet dan il-proġett.
“Hija xi ħaġa sabiħa mmens u jien nemmen fiha bħala Kummissarju għat-Tfal, fil-parteċipazzjoni tagħhom. It-tfal għandhom ħafna x’joffru u hija xi ħaġa sabiħa li qegħdin inlaqqu t-tfal, nagħtuhom dawk l-ispazju għax fuq kollox dak huwa d-dritt tagħhom, li huma jipparteċipaw u għidulna huma xi jridu. Naturalment aħna min-naħa tagħna mbagħad insegwu dak li jgħidu ju nwettquh kemm jista’ jkun għall-futur u għal ġid tagħhom stess.”