Malta ħadet pożizzjoni ċara b’riservi minħabba l-lingwaġġ li ntuża f’dikjarazzjoni li spiċċat iffirmata minn Roberta Metsola biex tforni l-missili lill-Ukrajna.
Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela, meta wieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu f’Kastilja, fejn innota kif fl-aħħar jiem, anke l-midja internazzjonali rrapportat dwar riservi ta’ ċerti pajjiżi fuq il-kontenut ta’ din id-dikjarazzjoni.
Waqt li l-Ungerija vvotat kontra għal raġunijiet ġeo-politiċi, il-Prim Ministru Robert Abela ċċara l-pożizzjoni ta’ Malta, għax, fi kliemu stess, pajjiżna ma jemminx li biex twaqqaf gwerra, trid toħloq gwerra akbar.
“Ħadna pożizzjoni ċara li kellna riservi dwar il-lingwaġġ li ntuża, għax ma nemmnux li biex twaqqaf gwerra, toħloq gwerra akbar u ċara l-pożizzjoni tiegħi. Biex twaqqaf gwerra, tħaddan il-paċi trid, mhux toħloq gwerra akbar jew l-armamenti. Ir-realtà hi li jiddispjaċini ngħid li l-Unjoni Ewropea mhix tenfasizza biżżejjed dwar il-paċi, kemm dwar il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, u anke dak li qed jiġri fil-Lvant Nofsani.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Din id-dikjarazzjoni kellha toħroġ mill-Kunsill Ewropew bil-barka tas-sebgħa u għoxrin stat membru, iżda ġiet imblokkata u, minflok, peress li ma kienx hemm qbil bejn il-mexxejja Ewropej tal-pajjiżi stati membri, ħarġet b’firem oħrajn, inkluż dik ta’ Metsola.
Malta tat għajnuna umanitarja lill-Ukrajna aktar minn darba u għenet familji li kienu jeħtieġu kura, iżda qatt m’aċċettat li tforni armi letali lill-Ukrajna. Fl-istess waqt dejjem ikkundannat bla riservi u b’mod qawwi l-aggressjoni Russa u titlob lir-Russja biex tirrispetta s-sovranità Ukrena.
Malta dejjem imbottat it-triq tad-djalogu u l-paċi u mhux it-triq ta’ direzzjoni militari li qed jimbottaw figuri fl-Unjoni Ewropea, ewlenin fosthom Roberta Metsola.