L-Unjoni Ewropea ta’ għada għandha tkompli tirrappreżenta l-valuri importanti taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea u tiffoka aktar fuq is-soċjal.
Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, waqt l-intervista fuq ONE Radio l-Ħadd filgħodu fejn tenna l-importanza ta’ ħidma ma taqta’ xejn, li tibda fuq livell Ewropew permezz tal-Ewro-Parlamentari Laburisti eletti.
Dan filwaqt li fuq livell ta’ komunità, il-Prim Ministru ħeġġeġ lill-Kunsillieri eletti f’isem il-Partit Laburista, biex mhux biss iwettqu l-pjan imwiegħed fil-lokalitajiet, imma biex jibqgħu l-vuċi tan-nies u jkomplu jwasslu l-prijoritajiet tan-nies.
“Iżommu dan il-kuntatt mal-poplu tagħna, li jilqgħu għall-ħtiġijiet lokali iżda mbagħad dawk il-ħtiġijiet jitrasportawhom fuq livell Ewropew u nemmen bis-sħiħ li dan huwa l-istil ta’ ħidma li rridu naħdmu bih u l-istess fuq livell ta’ Kunsilli Lokali.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Mistoqsi dwar l-attakk partiġjan tal-Kap tal-Oppożizzjoni b’rabta ma’ nomini għal karigi fl-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru spjega kif hawn toħroġ id-differenza kbira fil-politika li jħaddan il-Partit Laburista u dik li jmexxi l-Partit Nazzjonalista.
Spjega kif il-Partit Laburista jappoġġja dejjem lin-nazzjon u dak li hu Malti, għall-kuntrarju tal-Partit Nazzjonalista li dejjem jattakka kull nomina li ssir fuq livell Ewropew, minkejja l-integrità ta’ min ikun nominat.
“Rajna f’dan l-aħħar snin konsistentament, il-Partit Nazzjonalista li jattakka kull nominat anke f’karigi għal barra minn xtutna anke għal karigi lokali, kull nominat li ma jkunx iħaddan it-twemmin tal-Partit Nazzjonalista li ġie mkisser mill-istess partit, imkasbar u mbagħad jibda jokkupa dik il-kariga dak l-individwu, jagħmilha b’suċċess għax ikun persuna ta’ integritá u hemmhekk jiskot il-Partit Nazzjonalista.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Sostna kif dak li jiddistingwixxi bejn partit u ieħor huwa kif il-Partit Laburista dejjem irrikonoxxa t-tajjeb u l-prinċipji tajbin, u Malta tiġi dejjem l-ewwel.
“Ħadd m’għandu juża la l-Parlament Ewropew u lanqas istituzzjoni oħra biex b’xi mod jattakka lil pajjiżna imma s-sinjal hawn qed nibgħatuh b’mod ċar. Sinjal ċar li għalina Malta verament tiġi l-ewwel. ”
il-Prim Ministru Robert Abela
Intant il-Prim Ministru Robert Abela spjega wkoll kif valuri oħra importanti li wieħed irid ikompli jimbotta huwa s-suq waħdieni, biex jaħdem b’mod ugwali għal kulħadd fosthom fl-aċċess għall-mediċini inklużi għal pajjizi bħal Malta.