Il-Prim Ministru Joseph Muscat temm il-laqgħat ma’ mexxejja Ewropej b’laqgħa mal-President tal-Kunsill tal-Ministri Taljan Paolo Gentiloni.
L-immigrazzjoni kienet tema ewlenija f’dawn id-diskussjonijiet fejn il-Prim Ministru qal li fi ftit żmien ma jsirux mirakli, iżda l-Ewropa mxiet ’il quddiem fejn qatt ma kienet għadha waslet. B’hekk sostna li x-xogħol irid jibqa’ għaddej.
Id-diskussjonijiet iffukaw ukoll fuq il-preparazzjoni taċ-ċelebrazzjonijiet tat-Trattat ta’ Ruma, f’Ruma fl-aħħar tax-xahar. Il-Prim Ministru sostna li l-Ewropa għandu jkollha funzjoni qawwija soċjali fejn ma nħarsux biss lejn il-bilanċ fl-ekonomija, iżda wkoll fuq il-kwalità tal-ħajja tal-familji Ewropej. Huwa qal li din se tkun id-diskussjoni li l-Ewropa ser ikollha dwar il-futur tagħha. Il-Prim Ministru sostna li l-White Paper tal-Kummissjoni Ewropea hija pożittiva ħafna u f’Ruma l-mexxejja Ewropej se jkollhom l-ewwel ċans jibagħtu sinjal pożittiv.
Il-President Gentiloni rringrazzja lill-Prim Ministru għall-appoġġ li dejjem ta lill-Italja.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin George W. Vella u s-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u għall-Fondi Ewropej Ian Borg akkumpanjaw lill-Prim Ministru fit-taħdidiet.