Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela sostna li r-riformi tant importanti li wettaq Gvern Laburista qegħdin iħallu l-frott.
F’attività politika fil-Fgura hu ta’ ħarsa lura lejn ġimgħa oħra impenjattiva fejn fiha ġew inawgurati investimenti li huma xhieda tas-suċċess ekonomiku u l-fiduċja li qed igawdi minnha pajjiżna.
Fil-fatt, kien hawn li l-Prim Ministru Robert Abela semma investiment dirett barrani ieħor fis-settur tal-farmaċewtika ta’ tletin miljun ewro.
Dr Abela stqarr, “Kumpanija globali qed nitkellmu dwarha ddeċidiet li tkompli twessa’ l-investiment tagħha f’pajjiżna b’portafoll impressjonanti ta’ mediċina li jolqtol mitejn miljun pazjent madwar id-dinja li tibqa’, tgħidlek jien nibqa’ nara lill-Malta bħala l-pajjiż li fih għandi l-fiduċja biex inkomplu nwessa’ l-investiment tiegħi.”
Waqt id-diskors tiegħu fiċ-Ċentru Laburista, il-Prim Ministru rrimarka kif dan is-suċċess f’pajjiżna qed jinkiseb minkejja l-isfidi kbar madwarna kawża tal-gwerra fl-Ukrajna.
Hawn Dr Abela aċċenna għall-konferma ta’ kif l-ekonomija Maltija esperjenzat tkabbir ta’ 7.6% li huwa ħafna iktar minn dak imbassar mill-Kummissjoni Ewropea.
Huwa spjega li pajjiżna miexi tant b’saħħa ’l quddiem u huwa għalhekk li l-Partit Laburista għandu jibqa’ jkun il-partit tar-riformi u tal-bidla.
Irrimarka wkoll kif din il-ġimgħa bdew jitħallsu l-inġustizzji tal-imgħoddi filwaqt li fil-jiem u ġimgħat li ġejjin se jiġi spjegat kif se jitħaddem l-in work benefit u l-mekkaniżmu addizjonali li jagħmel tajjeb għaż-żieda fl-inflazzjoni.
Dawn fost miżuri oħra bħal childrens’ allowance ogħla u pensjonijiet miżjuda li se jagħmlu differenza tanġibbli fil-ħajja tan-nies.
Il-Prim Ministru sostna, “Investiment fil-familji li deħlin għall-ewwel darba fi tliet snin f’Milied ta’ normalità. Gawduh dan il-Milied, serrħu raskom li qegħdin bi Gvern li miegħu tafu fejn qegħdin u li se jibqa’ jaħdem ta’ kuljum biex iġib bidliet pożittivi f’ħajjitkom.”