“Dak mhux aġir li aħna se nittolleraw fis-soċjetà tagħna.”
Kien b’dan il-mod skjett u dirett li l-Prim Ministru Robert Abela indirizza mistoqsija, waqt intervista fuq il-programm Sibt il-Punt, dwar sitwazzjonijiet ta’ ġlied f’pajjiżna bħal dik li nqalgħet fil-Ħamrun propju ftit tal-jiem ilu.
Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li, huma min huma n-nies involuti, dan mhuwiex aċċettabbli.
Huwa qal, “Dak li rajna fil-Ħamrun huwa inaċċettabbli. Ma hemmx xi ngħidu huwa diżġustanti u inaċċettabbli. Jiġri fejn jiġri u jkunu min ikunu n-nies responsabbli. Ikunux nies barranin jew Maltin u Għawdxin. Huma min huma, dak mhux aġir li aħna nistgħu nittolleraw fis-soċjetà tagħna.”
Hawnhekk il-Prim Ministru wassal ir-ringrazzjament tiegħu lejn l-uffiċjali tal-Pulizija li jintervjenu f’dawn is-sitwazzjonijiet biex pajjiżna jinżamm sigur.
Dr Abela sostna li jistenna li dawk responsabbli issa jitressqu l-Qorti u l-Qorti nnifisha twassal messaġġ ċar kontra dan l-aġir u li jirrispetta l-ħidma kbira li qed iwettqu l-forzi tal-ordni f’pajjiżna.
Dr Abela hawn irrimarka l-importanza tal-investiment kbir li qed jagħmel il-Gvern fil-forzi tal-Ordni tiegħu, fost oħrajn f’dak li għandu x’jaqsam mal-Korp tal-Pulizija. Hawn semma l-introduzzjoni ta’ uniformi ġdida fiż-żmien li ġej, u l-investiment kruċjali fil-Body Cams li jġorru fuqhom l-uffiċjali.
Għodda li permezz tagħha, skont l-istatistika, qed jonqsu l-agressjonijiet fuq il-pulizija filwaqt li qed ikunu kruċjali għall-preservazzjoni tal-provi.
Sostna madankollu l-importanza tal-miżuri tal-prevenzjoni tar-reati. Dan b’sinerġija bejn il-forzi tal-Ordni, il-Kunsilli Lokali, Awtoritajiet oħrajn ta’ infurzar u l-komunitajiet infushom.
Dwar dan il-Prim Ministru sostna wkoll l-importanza tal-kunċett tal-Pulizija fil-komunità.
Huwa rrimarka, “Għandna 42 lokalità li jgawdu minn dan is-servizz ta’ Pulizija tal-Komunità. Tgħidli biżżejjed? Ngħidlek mhux biżżejjed u għalhekk li sal-aħħar tas-sena d-dieħla, il-prinċipji u l-kunċett tal-Community Policing irid ikun estenda mal-pajjiż kollu.”
Dwar il-preżenza ta’ komunitajiet barranin f’pajjiżna, il-Prim Ministru spjega kif filwaqt li pajjiżna jilqa’ fih ħafna barranin u l-maġġoranza assoluta tagħhom jgħixu fis-serenità mal-bqija tal-poplu, dan il-Gvern mhux se joqgħod lura milli jitkellem u jieħu azzjoni fuq każijiet fejn barranin ma jġibux rispett lejn il-bqija tas-soċjetà.
Dr Abela fakkar li l-awtoritajiet Maltin ma jitilfux ċans wieħed sabiex jaraw li dawk il-barranin li jiksru l-liġi, ma jibqgħux f’pajjiżna. Hawn il-Prim Ministru għamel aċċenn ukoll għas-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni irregolari hekk kif tenna li dan pajjiż miftuħ u inklussiv, iżda dejjem b’mod li wieħed jirrispetta l-liġijiet tal-pajjiż.
Intant, il-Prim Ministru Robert Abela indirizza wkoll mistoqsijiet dwar l-Air Malta.
Tenna li pajjiżna se jibqa’ jkollu l-linja nazzjonali tal-ajru tiegħu.
Il-Prim Ministru qal, “X’għidna fil-manifest elettorali? Li pajjiżna se jibqa’ jkollu l-linja nazzjonali tal-ajru tiegħu. Dik hija wegħda li b’ebda mod se mmorru lura minnha mela se nkun ċar ħafna li linja nazzjonali tal-ajru, pajjiżna se jibqa’ jkollu.”
Huwa serraħ ukoll ras il-ħaddiema li jixtiequ jibqgħu jaħdmu mal-linja nazzjonali tal-ajru ta’ pajjiżna, hekk kif tenna li l-Gvern mhux se jitfa’ l-piż li jġibu magħhom ir-riformi fuq il-ħaddiem.
Huwa tenna, “Ir-risposta tiegħi għalihom illum hija waħda ċara ħafna. Aħna m’aħniex Gvern li jitfa’ l-piż u l-prezz ta’ dik ir-riforma fuq il-ħaddiem.”