Il-Prim Ministru Robert Abela emfasizza l-importanza tal-fiduċja u kif din tixpruna ħidma pożittiva minn dan il-Gvern biex ikompli jwettaq l-miżuri it-tiegħu.
Dr Abela qal dan hekk kif fl-attività poltika ġewwa l-Imsida l-Ħadd filgħodu, rreaġixxa għar-Rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali dwar pajjiżna u li ħareġ ftit tal-jiem ilu.
Dr Abela stqarr kif ir-rapport faħħar l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna, filwaqt li aċċenna għar-reżiljenza ta’ pajjiżna waqt il-pandemija u anke issa fiż-żmien ta’ Gwerra fl-Ukrajna.
Dwar dan il-Prim Ministru qabbel il-prestazzjoni tal-ekonomija ta’ pajjiżna ma’ dik ta’ pajjiżi oħrajn.
“Ara x’kuntest qed nitkellmu fih li għandek il-Fond Monetarju Internazzjonali illi l-analiżi tiegħu dwar pajjiżna kuntrarjament għal dak li qed jgħidu dwar kull pajjiż ieħor hija li f’pajjiżna qed ngħinu ħafna lin-nies u lin-negozji tagħna. Ara x’kuntest.”
Hawnhekk, il-Mexxej Laburista qabbel dak li l-Fond Monetarju Internazzjonali qal fuq pajjiżna illum ma’ dak li qal fi żmien amministrazzjonijiet Nazzjonalisti fi żmien kriżi ferm iżgħar minn dak li għadda pajjiżna fl-aħħar tliet snin.
“Ħa naqbad rapport tal-IMF tal-2009 u r-rapport illi kellna issa. X’jgħid ir-rapport tal-IMF tal-2009? Il-konklużjoni ta’ dak ir-rapport kienet illi fiż-Żona Ewro fl-2009 l-iktar pajjiż illi kellu rata ta’ inflazzjoni għolja jiġifieri r-rata ta’ għoli tal-ħajja li sparat ‘l fuq, tafu liem pajjiż kien? Malta.”
Dan bil-kuntrarju għal dak li pajjiżna qiegħed jesprejenza issa fejn Malta qed tesperjenza fost l-inqas rati ta’ inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru elenka wkoll x’kienet ir-raġuni wara dak li qal ir-rapport tal-IMF fl-2009.
“Kienet Malta li kellha l-ogħla rata ta’ inflazzjoni għaliex il-Gvern ta’ dakinhar ma ntervjeniex biex jgħin lin-nies anzi nikkoreġi ruħi mhux ma ntervjeniex. Bl-interventi li għamel kien kontributorju ewlieni biex l-ogħli tal-ħajja tela’ ‘l fuq. Dik kienet ir-realtà ta’ dakinhar.”
Il-Prim Ministru nnota wkoll kif fix-xahar ta’ Diċembru, pajjiżna kellu l-ogħla konsum fejn jidħol il-bejgħ bl-imnut.
Imbagħad meta kien qiegħed jitkellem dwar il-mistoqsija li qajjem l-IMF dwar il-politika fit-tul li għandu l-Gvern għall-qalba ambjentali, l-Prim Ministru serraħ ras in-nies li din mhux se tkun qed issir b’miżuri ta’ awsterità.
Il-Prim Ministru aċċenna wkoll għall-importanza tal-istabbiltà u l-kontinwità fil-politika ekonomika ta’ dan il-Gvern, li rrimarka r-rapport tal-IMF.
Intant dwar il-proġetti ambjentali f’pajjiżna fosthom dak tal-Imsida, il-Prim Ministru qal li l-immaniġġjar aħjar tat-traffiku, proġetti kontra l-għargħar u spazji miftuħa ġodda se jkunu fost il-prijoritajiet ewlenin tiegħu.
“Issa wasalna fl-istadju biex noħorġu sejħa pubblika biex dan il-proġett eventwalment jiġi aġġudikat, tibda l-implimentazzjoni u ħaġa waħda ngħidilkom, ftit tas-snin oħra nerġgħu niġu f’din il-lokalità, nagħmlu laqgħa hawnhekk u meta noħorġu barra ma tagħrfuhx.”
Fl-aħħar nett, il-Mexxej Laburista tkellem dwar il-prinċipju politiku li jmexxi l-mod ta’ kif dan il-Gvern jimplimenta il-miżuri tiegħu.
“Il-fiduċja li għandna f’dan il-pajjiż, il-fiduċja li għandna fin-nies u l-fiduċja b’saħħitha illi għandna fil-futur ta’ dan il-pajjiż u għalhekk li nitkellmu dwar li l-fiduċja ġġib il-fiduċja. Dik kienet il-politika tagħna, għadha l-politika tagħna u se tibqa’ l-politika tagħna.”