Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista fakkar il-105 snin mit-twelid tal-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista Dom Mintoff.
Dan ġie mfakkar hekk kif il-Mexxej Laburista poġġa l-fjuri quddiem il-monument ta’ Dom Mintoff f’Bormla, il-post li twieled fih fl-1916.
Il-Perit Mintoff sar Mexxej tal-Partit Laburista fl-1949 u baqa’ jmexxi l-partit sal-1984.
Huwa kien Prim Ministru ta’ Malta bejn l-1955 u l-1958 u bejn l-1971 u l-1984.
F’post fuq Facebook il-Prim Ministru ddeskriva lil Mintoff bħala ġgant tal-politika Maltija u l-istorja ta’ pajjiżna.
Huwa saħaq li l l-kobor tiegħu joħroġ mill-fatt li ħidmietu għadna ngħixuha kuljum fid-diversi monumenti soċjali li welled hu u li għadhom magħna, joffru dinjità u ħajja aħjar lill-eluf ta’ persuni.
Żied jgħid li xogħolna llum hu li dawk il-prinċipji, li Mintoff u oħrajn sawwru fil-Partit Laburista u l-pajjiż, inżommuhom ħajjin fid-diversi inizjattivi li mmexxu ‘l quddiem biex nibqgħu noħolqu ġustizzja soċjali, nsaħħu l-ugwaljanza, noħolqu l-opportunitajiet għal kulħadd u nġibu lil Malta l-ewwel u qabel kollox.
Intant fi stqarrija il-Partit Laburista wkoll ddeskriva lill-eks Prim Ministru Mintoff bħala ġgant fil-politika Maltija u tenna li dan kien magħruf għal numru ta’ proġetti soċjali li wettaq, l-investimenti li ġab u l-avvanzi kostituzzjonali importanti bħall-kisba ta’ ħelsien sħiħ mir-Renju Unit.