Erbgħin sena wara li Karin Grech sfat maqtula minn ittra bomba, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Joseph Muscat, taha ġieħ fuq il-mafkar tagħha f’San Ġwann.
Quddiem miġemgħa li nġabret biex hi wkoll isselmilha qal li din hija ġerha li diffiċli tingħalaq. Għalkemm illum, erba’ deċenji wara, l-imħabba u r-rispett għandhom ikunu dawk li jiddominaw fis-soċjetà tagħna.
Iddeskriva lil Karin Grech, li kieku llum għandha 55 sena, vittma bla ħtija bħal Raymond Caruana, tant li l-Prim Ministru ddeskrivihom bħala aħwa.
Filwaqt li rrefera għal qtil krudili ieħor li seħħ f’Ottubru li għadda, li neħħa l-ħajja ta’ Daphne Caruana Galizia, qal li d-differenza hi li llum hemm nies li tressqu l-Qorti u li issa l-ġustizzja għandha tieħu l-kors kollu tagħha. Fisser kif l-istat irid isib il-moħħ u l-id wara dawn l-omiċidji.
Il-Prim Ministru rringrazzja wkoll lill-membri tal-Alternattiva Demokratika għall-preżenza tagħhom waqt din it-tislima.