“Gvern Laburista dejjem ħadem sabiex l-anzjani Maltin u Għawdxin jgħixu ħajja aħjar.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’diskors li għamel waqt attività politika fil-Mellieħa, fejn f’messaġġ ċar qal li jekk jerġa’ jingħata l-fiduċja se jibqa’ jinvesti u jieħu ħsieb il-pensjonanti kollha.
“Iva, anke jekk ikun wasal iż-żmien tal-mistrieħ, dak iż-żmien irid ikun wieħed sabiħ fejn mhux biss tlaħħaq mal-bażiku, iżda tista’ tagħmel kapriċċ. Aħna rriduk tgħix tajjeb meta tkun pensjonant daqskemm kont meta kont taħdem. Anzi jekk possibbli rriduk tgħix anke aħjar milli kont qabel. Għax ikollok iktar ħin fuq idejk biex tagħmel dak li tħobb, biex tgawdi l-uliedek u n-neputijiet.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Mexxej Laburista semma kif sena wara sena Gvern Laburista żied il-pensjoni tal-anzjani u hekk se jkompli jagħmel jekk jerġa’ jingħata l-fiduċja għall-ħames snin li ġejjin.
Taħt Gvern Laburista l-anzjani se jkomplu wkoll jirċievu ċ-ċekkijiet.
“Daqt jgħiduli li mhux suppost bgħatnih għax ġejja l-elezzjoni. Aħna l-ġid nibagħtuh kull sena u mhux meta tiġi l-elezzjoni. Fil-fatt, issa qed jitkażaw li l-pensjonanti tagħna se jirċievu ċekk ta’ 200 ewro. Qalulna li bħalissa mhux żmienu. Jekk tagħtuni l-fiduċja biex inkun Prim Ministru jien, dejjem se jkun żmien li l-pensjonanti jirċievu ċ-ċekkijiet.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Proposta fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista se tkun dik ta’ mediċini b’xejn għall-anzjani kollha, bil-Prim Ministru jaċċenna fuq ir-ruħ soċjali li kellu l-Gvern u se jibqa’ jkollu Gvern Laburista ġdid għal-leġislatura li jmiss, jekk il-poplu jagħtih il-fiduċja.
“Fl-aħħar jiem tajna l-karta r-roża b’xejn lill-eluf ta’ anzjani ta’ 80 sena jew aktar li qegħdin fuq l-għajnuna supplimentari. Issa, fil-ħames snin li ġejjin se nkunu qed nagħtu l-mediċini b’xejn lill-pensjonanti kollha. Ħaddieħor ħalla lill-anzjani bla mediċini, aħna se nħallu lill-anzjani bla kontijiet fuq il-mediċini.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Bl-għajta ta’ Malta Flimkien u quddiem folla sabiħa fil-pjazza tal-Mellieħa, il-Prim Ministru temm billi qal li l-Partit Laburista għandu pjan ċar u ambizjuż sabiex jieħu lil pajjiżna għal futur sabiħ.
“Għax il-futur rridu nissiġilawh fis-26 ta’ Marzu. Irrid ikun futur li jarana naħdmu flimkien għal kwalità ta’ ħajja aħjar f’pajjiż magħqud. F’pajjiż fejn ta’ kuljum fil-postijiet tax-xogħol, fil-postijiet ta’ divertiment u ta’ studju, nitkellmu dwar kif se nkunu Team Malta iktar b’saħħtu. Irridu li fost il-familji u f’kull belt u raħal inħaddnu prinċipju wieħed: Dak ta’ Malta Flimkien.”
Il-Prim Ministru Robert Abela