Waqt li kien qed jindirizza investituri Indjani f’Londra, il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li Malta hija l-post ideali sabiex wieħed jinvesti fih u semma kif l-aqwa riżorsa li għandu pajjiżna tibqa’ dik umana.
F’diskors waqt din il-laqgħa, li għaliha attenda fost oħrajn il-Kummissarju Ogħli Indjan għar-Renju Unit, Y.K. Sinha, il-Prim Ministru stqarr li pajjiżna huwa wieħed pro-business, li joffru u jgħin lil dawk l-investituri li jkunu jridu jinvestu f’pajjiżna.
Huwa semma kif il-ħaddiema f’Malta huma mħarrġa u allura huma garanzija li l-prodott finali jkun kompettitiv.
Dr Muscat stqarr kif il-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta kif ukoll il-konnettività ma’ pajjiżi oħra tagħmilha aktar faċli sabiex wieħed jinvesti f’pajjiżna, filwaqt li semma numru ta’ kumpaniji Indjani li jaħdmu f’pajjiżna fosthom dawk fil-qasam tal-farmaċewtika.
Il-Prim Ministru għamel referenza wkoll għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u filwaqt li reġa’ rreaferma l-fatt li kien ikun aħjar għal Malta li kieku r-Renju Unit tibqa’ fl-Unjoni Ewropea, huwa sostna li ma jaqbilx ma’ min jgħid li se jkun hemm kumpaniji kbar li se jitilqu mir-Renju Unit minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
Fl-aħħarnett il-Prim Ministru għamel referenza wkoll għas-suċċess ekonomiku li qed jikseb pajjiżna, suċċess li qed jiżboq lil pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.