“Din il-ġimgħa tatna enerġija ġdida, din il-ġimgħa wasslet biex nies li forsi kellhom xi dubji jerġgħu lura, biex ikollna sitwazzjoni fejn kulħadd jifhem li dan hu gvern tal-għeruq li beda mal-poplu u jibqa’ mal-poplu.”
Dan kien kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat f’attivitá politika f’Ħal Kirkop.
Lemħa ta’ x’jagħmel kieku jerbaħ l-elezzjoni
Il-mod arroganti kif irreaġixxa l-Kap tal-Opożizzjoni għad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali gerrex ħafna lil poplu għaliex ta idea ta’ kieku x’jagħmel Simon Busuttil kieku jkun fdat bl-appoġġ tal-maġġoranza tal-pubbliku, fisser il-Prim Ministru.
Filwaqt li jirrispetta d-deċiżjoni tal-qorti, u se jara li tkun implementata reġa’ saħaq li għandu riżervi kbar dwar id-deċiżjoni.
“Ma jistax ikollna Prim Ministru li jibgħat sinjal li ma jirrispettax id-deċiżjoni tal-Istituzzjonijiet.”
Il-Prim Ministru esprima d-diżappunt li għal żball ta’ 50 vot, ingħata kumpans ta’ żewġ siġġijiet u li dan juri kemm il-gvern huwa ‘underdog’, “Kburi li jmexxi gvern li mhuwiex parti mill-elite, mhuwiex parti mill-establishment, li jirrispetta r-regoli tal-logħba anka meta jkunu interpretati b’mod li ma naqblux miegħu”
Il-Prim Ministru saħaq li d-deċiżjoni mhix se taffettwa l-gvern, għaliex igawdi minn appoġġ fenomenali, iżda r-riperkussjonijiet li jistgħu jiġu fis-snin li ġejjin huma kbar b’ din id-deċiżjoni.
Muscat saħaq li mgħandux jinħela ħin fuq din il-kwistjoni, għaliex ix-xogħol tal-gvern hu li l-Maltin ikollhom xogħol għalihom u għal familji tagħhom, għaliex dan il-gvern jiċċelebra meta jiggwadanja l-fiduċja tal-poplu.
“Jekk il-qorti ħaditilna zewg siġġijiet maġġoranza, irridu naħdmu biex il-poplu jagħtihomlna lura bl-imaxx”
Żviluppajna ekonomija li tiflaħ għad-‘daqqiet’
F’ ġimgħa fejn kumpanija ewlenija f’ pajjiżna ħabbret li se tnaqqas il-ħaddiema, toħroġ biċ-ċar kemm l-ekonomija ta’ pajjiżna qeda f’ punt li tipproteġi lill-Maltin anka meta tieħu ‘daqqa’.
Dan deher meta l-gvern offra li jgħin lill-ħaddiema li se jispiċċaw bla xogħol biex jiċċaqalqu qabel ma jitkeċċew. Huwa għalhekk, stqarr Joseph Muscat, li l-ħaddiema kollha xorta għandhom rashom mistrieħa li xorta se jkollhom xogħol.
“Anka meta naqilgħu daqqa, nifilħuha u nqumu għaliha.”
Għalhekk il-mira tal-gvern hi li mhux biss toħloq il-postijiet tax-xogħol għal Maltin, u anka għall-barranin, iżda li tinħoloq biżżejjed protezzjoni biex meta jkun hemm il-postijiet tax-xogħol li jintilfu, il-Maltin ikollhom opportunitá ta’ xogħol oħra kemm jista’ jkun malajr.
Madanakollu l-Prim Minsitru sostna li huwa konxju li dan ma jfissirx li mhemmx min mhux qiegħed ibagħti biex isib xogħol, jew ma jħossx li qed jitħallas biżżejjed.
Iżda wiegħed li l-gvern mhux se jaqta’ qalbu u se jissokta jġib l-investiment, joħloq il-postijiet tax-xogħol u joffri l-edukazzjoni għal kulħadd.
Naqtgħu s-sistema edukattiva li qisha fabbrika
B’ħafna iktar riżorsi u impenn, il-gvern se jniedi vjaġġ għal kull tifla u tifel f’ pajjiżna biex kulħadd isib mezz kif jitħarreġ.
“Dan huwa l-ikbar investiment li dan il-gvern se jkun qed jagħmel, għax huwa investiment għal uliedna, li se jassigura li fil-futur pajjiżna jkun ferm aħjar.”
Spiċċa ż-żmien li t-tfal jaqtgħu qalbhom ikomplu jistudjaw għax is-sistema hija riġida, sostna l-Prim Ministru, issa hemm l-għodod kollha biex kullħadd isib it-triq tiegħu.
Stqarr li l-bidla fis-sistema edukattiva hija waħda studjata bil-galbu u li mhux se tintefa’ fuq l-istudenti ħesrem għaliex dan jista’ tħawwadhom.
Mhuwiex Gvern tal-istatus Quo
Gvern Laburista kien lest ibiddel is-sisien ta’ kif jitmexxa gvern. Il-Prim Ministru irrefera għall-oqsma mhux sostenibbli li ntirtu minn Gvern preċedenti bħall-Enemalta u l-qasam tas-saħħa li f’ tlett snin inqelbu f’ oqsma sostenibbli, li joffru servizz ta’ kwalita aqwa u li ħolqu l-postijiet tax-xogħol.
Il-fatt li mexjin fit-triq it-tajba juruhom il-figuri wkoll saħaq Muscat li rrefera għall-istatistiċi li ħarġu din il-ġimgħa li wrew kif f’ sena waħda pajjiżna naqqas id-defiċit b’ mitt miljun u dan minkejja li l-gvern irnexxilu jnaqqas it-taxxi. I
ssa l-gvern se jħares ‘il quddiem biex ikompli jbiddel oqsma oħra f’ pajjiżna kemm tul din il-leġislatura u kif ukoll billi jħejji pjanijiet għall-manifest elettorali għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Manifest li se jinkludi pjan ġdid u rivoluzzjonarju għal qasam tal-infrastruttura u t-trasport- li se jbiddilhom kompletament biex pajjiżna jsir pajjiż iktar modern. Għaliex dan, saħaq il-mexxej tal-Partit Laburista, huwa gvern ta’ bidla li jagħmel l-affarijiet bi ħsieb u b’ mod sostenibbli.