Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ltaqa’ ma’ parti oħra mid-delegati tal-Partit Laburista biex ikompli jisma’ lir-rappreżentanti tiegħu li ġejjin minn madwar Malta kollha.
Dan sar permezz tat-tieni laqgħa tal-assemblei li saret fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fejn attendew id-delegati mis-seba’ sat-tnax-il distretti elettorali.
Fl-indirizz tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela rringrazzja lid-delegati tal-ħidma tagħhom filwaqt li saħaq li l-Partit Laburista jrid ikompli jisma’ lill-votanti kollha li taw il-kontribuzzjoni tagħhom fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Fil-fatt enfasizza l-prinċipji tal-umiltà biex il-Partit Laburista jibqa’ preżenti fil-ħajja tan-nies u jibqa’ jisma’ lil kulħadd.
Flimkien mal-Prim Ministru attendew membri mill-Amministrazzjoni Nazzjonali tal-Partit Laburista u d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, tal-Partit Laburista Daniel Micallef, l-President Ramona Attard, u l-Kap Eżekuttiv Randolph De Battista.