Il-Prim Ministru Robert Abela esprima t-tħassib serju tiegħu li l-Maġistrat Gabriella Vella għażlet li tagħlaq l-inkjesta maġisterjali dwar il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet proprju fil-jum li fetħu n-nomini għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew u dawk tal-Kunsilli Lokali.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal dan f’kummenti mal-ġurnalisti ftit wara li sar magħruf dan uffiċjalment fil-Qorti.
Dr Abela sostna li hu mħasseb għax il-ġustizzja ħa tinżel fid-dibattitu politiku, meta din għandha dejjem tibqa’ ’l barra mid-dibattitu politiku.
“Però ngħid li jien iddispjaċut ferm, li jkollok proċess verbal, inkjesta ta’ din is-sensittività, li l-għan jew l-għeluq tagħha jaħbat b’mod daqstant ċar mal-ftuħ tal-kandidatura, dik hi xi ħaġa li lili tinkwetani ferm. Kont sinċerament qed nistenna ħafna aktar mill-ġudikatura tagħna, li fl-aħħar mill-aħħar hi vestita bir-responsabilità esklussiva għax it-timeline ddeterminatu l-ġudikatura u hawnhekk irrid inkun ċar, ngħid dan bl-ikbar rispett lejn il-ġudikatura, l-akbar rispett urejnih bir-riformi li għamilna biex saħħaħna l-indipendenza tagħha, l-awtonomija tagħha, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha, jiġifieri r-rispett hu wieħed ċar. Iżda, fl-istess waqt, inkun qed nonqos jekk ma nesprimiex it-tħassib tiegħi bħala kap tal-eżekuttiv li għandi l-funzjoni Kostituzzjonali u li wkoll inservi bħala check and balance fuq l-istituzzjonijiet l-oħrajn, inkun qed nonqos li ma nesprimiex it-tħassib tiegħi ta’ kif it-timeline ta’ din l-inkjesta jindika, b’mod mill-aktar ċar, anzi ma jħalli l-ebda dubju, li kien maħsub biex ukoll ifixkel it-timeline politiku.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru spjega li t-tħassib tiegħu hu hekk kif il-liġi tgħid li l-Maġistrat kellha sittin jum u setgħet damet aktar b’estensjoni.
“Però li ddum erba’ snin u nofs u proprju l-pubblikazzjoni jew l-għeluq tal-proċess verbal jaħbat mal-ftuħ tal-kandidatura, issa jew hi xi koinċidenza straordinarja, kollox possibbli fil-ħajja, imma l-buon sens tal-ħajja jgħid li mhi koinċidenza xejn, anke fil-kuntest ta’ dak li tkellem tliet xhur u tlett ijiem ilu, li l-indikazzjonijiet kienu ċari, li l-konklużjonijiet tal-inkjesta kienu se jintużaw biex jikkundizzjonaw mhux biss it-timeline politiku, imma r-riżultat tat-8 ta’ Ġunju.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li inkjesta maġisterjali ma tistabbiliex ħtija u xogħlha hi li tikkonserva l-provi u l-evidenza.
“Il-prinċipji jgħoddu li kulħadd jitla’ minn punt ta’ tluq ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, jiġifieri jekk eventwalment jiġi stabbilit li xi ħadd, hu min hu, kontrih telqet il-preżunzjoni ta’ ħtija, flok il-preżunzjoni tal-innoċenza, nifhem li se jkun hemm dibattitu dwarha dik. Dibattitu li jrid isir bl-aktar mod ċivili, trankwill. Għalhekk aħna pajjiż ċivilizzat u dan id-dibattitu ħieles inħaddnuh, però kulħadd għandu d-dritt li jesprimi fehmtu.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela mal-ġurnalisti sostna li l-għażla fl-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju, minbarra r-rappreżentanti fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill Lokali għandha issa dimensjoni ġdida.
“Issa assuma dimensjoni oħra, jiġifieri dimensjoni jekk in-nies humiex lesti li jċedu s-sovranità tagħhom lill-establishment. Jiġifieri jekk in-nies humiex lesti li l-pajjiż ikun immexxi minn dan il-grupp ta’ nies, li jemmnu li għandhom il-jedd divin għall-poter f’pajjiżna, li minn wara jiġbdu l-ispag. Li meta f’dan il-pajjiż tħallew imexxu huma qabel l-2013, rajna kemm kien imjassar il-poplu tagħna jew jekk il-poplu jridx jippriserva u jikkonserva d-dritt sagrosant li għandu l-popolin kollu, il-poplu kollu, in-negozji kollha tagħna li jkun hu, jiddeċiedi min imexxi l-pajjiż f’ismu. Dak hu dritt li jiġi espress f’elezzjoni ġenerali, però din id-darba hu kruċjali li dik il-fiduċja fil-Gvern terġa’ tingħata għax din id-darba verament qegħdin nitkellmu fuq jekk il-poplu hux lest iċedi dak il-jedd tiegħu jew jekk iridx jimxi ’l quddiem bħala kull pajjiż demokratiku u ieħor ċertament li ebda proċess ġudizzjarju m’għandu jfixkel riżultat elettorali.”
Il-Prim Ministru Robert Abela