- Il-Prim Ministru f’laqgħat mal-President u mal-Prim Ministru tar-Rumanija
Il-Prim Ministru kompla bl-impenji tiegħu f’tour mal-kapitali Ewropej fir-Rumanija fejn kellu laqgħat mal-President u mal-Prim Ministru tar-Rumanija. Fil-laqgħa mal-President Klaus Iohannis, id-diskussjoni ffukat dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea u dwar it-triq li s-27 stat membru jridu jieħdu ‘l quddiem.
Il-Prim Ministru Malti u l-President Rumen qablu li l-Ewropa għandha tkun waħda, magħquda u bbażata fuq solidarjetà, filwaqt li kulħadd għandu jifhem li l-istati membri jimxu b’pass differenti minn xulxin u dan għandu jkun rispettat.
Il-President Iohannis faħħar il-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija u qal li r-Rumanija tappoġġjahom. Il-Prim Ministru Malti tkellem dwar l-immigrazzjoni u qal li l-ftehim li ntlaħaq waqt is-Summit ta’ Malta kien importanti iżda issa tajjeb li tibda diskussjoni dwar l-immigrazzjoni mil-lat intern fl-Unjoni.
Mal-Prim Ministru Rumen, id-diskussjoni ffukat dwar Brexit, dwar l-esperjenza tal-Presidenza Maltija bi preparazzjoni għall-Presidenza Rumena fl-ewwel nofs tal-2019, u dwar il-Fondi Ewropej.
Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Twettiq tal-Manifest Elettorali Louis Grech, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella u s-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u għall-Affarijiet Ewropej Ian Borg akkumpanjaw lill-Prim Ministru.