F’sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet fuq il-pjattaformi soċjali organizzata miż-Żgħażagħ Laburisti, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela tkellem dwar diversi temi u kompla jfisser il-viżjoni li Gvern Laburista għandu għal pajjiżna.
Fuq il-pandemija l-Prim Ministru fakkar kif il-Gvern ħa ħsieb kemm saħħet il-poplu kif ukoll l-għajxien tiegħu b’diversi miżuri mmirati biex isalvaw in-negozji u kif ukoll l-impjiegi.
Fuq l-istess tema, il-Mexxej Laburista ġie mistoqsi wkoll dwar meta jbassar li l-pubbliku se jkun jista’ jerġa’ jibda jsiefer. Hawnhekk Dr Abela għamel referenza għall-proċess mgħaġġel ħafna ta’ vaċċinazzjoni f’pajjiżna u spjega b’mod konċiż il-mod għaqli li bih Malta xtrat il-vaċċin.
Dr Abela wieġeb ukoll għal mistoqsija relatata mas-safar u qal li mistenni jkollna sajf ta’ turiżmu u xogħol għall-Maltin.
Il-Mexxej Laburista kien mistoqsi wkoll u tkellem dwar l-investiment multimiljunarju li l-Gvern qed jagħmel sabiex itejjeb l-infrastruttura ta’ pajjiżna. Huwa tenna wkoll li l-ambjent u l-infrastruttura jridu jikkumplimentaw lil xulxin.
Il-Prim Ministru fakkar ukoll kif il-Gvern għadu kif nieda skemi t’għajnuna kbar li se jkunu qed iħeġġu u jgħinu aktar nies jibdlu l-vetturi għal dawk elettriċi.
Il-mexxej Laburista tkellem ukoll dwar il-Park Nazzjonali ġdid f’Ta’ Qali fejn minn fabbrika tal-konkrit se jkun proġett li jagħti lok għal ħafna ħin ta’ rilassar għall-familji. Apparti dan semma wkoll il-proġetti ta’ Wied Fulija u Wied Blandun.
Dwar l-IVF Dr Abela fakkar kif fil-passat l-istat warrab koppji li ma setgħux isiru ġenituri tat-tfal mingħajr il-proċess tal-IVF.
Irrimarka kif il-liġi tagħna ma tippermettix li kull koppja tista’ tutilizza dan is-servizz.
Dr Abela għamel referenza wkoll għas-settur sportiv u fakkar fl-investiment kbir li qed isir fis-settur sportiv li se jwasslu għal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar u l-Ispecial Olympics.
Huwa ħeġġeġ ukoll liż-żgħażagħ sabiex jipparteċipaw fil-proċess ta’ konsultazzjoni b’rabta mal-whitepaper tal-kannabis u tenna li huwa jinsab entużjast li l-Partit Laburista jerġa’ jilqa’ fih kandidatura b’saħħitha ta’ żgħażagħ fi ħdanu.