“Dejjem ħadna, b’mod konsistenti, deċiżjonijiet li kienu fl-aqwa interess tal-poplu Malti u Għawdxi.”
Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela f’intervista li saritlu s-Sibt filgħaxija mill-ġurnalist Fabian Demicoli f’attività organizzata li fakkret it-tieni anniversarju ta’ Robert Abela mindu ħa t-tmun tal-pajjiż u tal-Partit Laburista.
Kważi wara sentejn ta’ pandemija, il-Prim Ministru fakkar fit-tbassir ikrah li kien hemm fejn jidħlu mwiet u telf ta’ impjiegi, iżda fortunatament dan it-tbassir ma sarx realtà.
Jumejn qabel jidħlu miżuri ġodda b’rabta mal-pandemija, il-Prim Ministru qal li huwa kruċjali li kulħadd jibqa’ jikkopera u jieħu d-doża addizzjonali tal-vaċċin kontra l-Covid-19.
Dan biex tiżdied ir-rata ta’ nies imlaqqma u qal li hu se jkun l-ewwel wieħed li jimbotta għat-tneħħija ta’ dawn il-miżuri ġaladarba jingħata l-parir biex dan isir mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Saħaq ukoll li f’pandemija ma tmexxix bil-populiżmu.
Huwa rringrazzja b’mod speċjali lill-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa li taw sehem imprezzabbli biex salvaw il-ħajja ta’ ħaddieħor u poġġew tagħhom f’riskju.
“Jekk tgħidli kienx hemm xi ħadd li kien perfett ngħid li iva u kienu l-frontliners tagħna. Il-frontliners fil-qasam mediku, il-frontliners kollha fosthom fil-qasam tal-ordni li ġibdu ħabel wieħed quddiem il-mument straordinarju qalu li aħna għandna missjoni diffiċli imma li se noħorġu b’mod tajjeb minnha. Il-frontliners partikolarment dawk tal-qasam mediku nsellmilhom, dawn l-aħħar jiem kelli l-opportunità nżur Mater Dei fejn ħadt il-booster dose ukoll u tara li fil-festi tal-Milied dan-nies ma kellhomx vaganzi imma baqgħu għaddejin jagħtu l-booster dose, jagħtu l-ewwel dożi ta’ vaċċin għal ma kinux għadu ħadha u tara d-dedikazzjoni u l-element tal-altruwiżmu, jiddedikaw litteralment ħajjithom f’xhur ta’ diffikultà biex jipproteġu s-saħħa ta’ ħaddieħor.”
L-għada li tħabbar pjan ċar ta’ ristrutturar għal-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, il-Prim Ministru kien ċar.
Dan il-Gvern se jaħdem fid-direzzjoni li tiġi salvata l-Air Malta u jinħoloq mudell sostenibbli għall-futur tagħha.
Fl-istess waqt, il-ħaddiema li se jibqgħu jaħdmu mal-Air Malta se jingħataw serħan il-moħħ dwar l-impjieg tagħhom filwaqt li dawk li mhux se jibqgħu jaħdmu direttament mal-Air Malta, mhux se jitilfu l-ħobża ta’ kuljum.
“Li nista’ huwa li nagħti serħan il-moħħ lill-ħaddiema kollha huwa li l-impjieg tagħhom huwa garantit, l-introjtu tagħhom huwa garantit, il-kundizzjonijiet tax-xogħol huma garantiti wkoll, u li mhux ħa jkunu sfurzati jagħmlu xejn kontra x-xewqa tagħhom.”
Dwar David Thake, li stejjer fil-ġurnali żvelaw kif għandu qrib il-miljun ewro f’VAT dovuta, iddeskrivih bħala każ ta’ ipokritiżmu politiku, ta’ persuna li dejjem ikkritika u attakka lil ħaddieħor.
Qal li b’differenza, in-nies jafu li dan il-Gvern ħadem kemm felaħ favur governanza tajba u dejjem wettaq proġett u miżuri biex jagħmel il-ġid.
Intant, fil-ġimgħa li timmarka sentejn mindu Robert Abela sar Mexxej tal-Partit Laburista, semma l-kontinwità.
Bħala eżempju qal kif komplew iż-żidiet fil-pensjonijiet, l-in-work benefit u ċ-ċekkijiet ta’ rifużjoni tat-taxxa.
Semma wkoll bidliet li saru biex saħħew il-governanza tajba f’pajjiżna.
Robert Abela qal ukoll li dan il-Gvern qed juri li minkejja li għandu mandat popolari, qed jibqa’ b’saqajh mal-art u viċin in-nies.
Semma wkoll it-tiġdid li sar, fosthom fil-Grupp Parlamentari u fil-Partit Laburista stess.
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għal krżijiet internazzjonali bħaż-żidiet fil-prezz tal-fjuwil, u qal li la l-Maltin mhux jitkellmu dwarhom ifisser li l-Gvern żamm lin-nies protetti u refa’ hu l-piżijiet.
Mistoqsi dwar l-elezzjoni ġenerali, qal li l-kriterju ewlieni dwar din dejjem kien l-interess nazzjonali u l-iktar ħaġa importanti hija l-fiduċja tan-nies.
“Għalhekk illum nagħmel sejħa biex ningħaqdu flimkien, ejja ħa nuru x’viżjoni għandna għal pajjiż, nemmen li ġej żmien li huwa sabiħ ħafna għal pajjiżna, għaddejna minn perjodi diffiċli, urejna li meta aħna naħdmu flimkien bħala poplu wieħed meta nkunu ffukati u naħdmu bħala tim Malta. Tim Malti li hu ’l fuq minn twemmin politiku, bil-kulur politiku, mill-kulur tar-razza, mill-opinjonijiet personali. Meta temmen fi strateġija li tippremja l-interess nazzjonali, nemmen li nistgħu nagħmlu ħafna u ħafna ġid għal dan il-pajjiż. Ingħaqdu magħna biex infasslu, inkattru l-politika tal-għaqda. Inkunu aħna li verament nuru li nemmnu fl-interess nazzjonali, ejjew sabiex flimkien inkomplu nmexxu lil Malta u Għawdex ’il quddiem.”