Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet fejn fiha ħabbar it-twaqqif ta’ inkjesta oħra dwar il-każ, li fih tilef ħajtu Jean Paul Sofia, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-fatt li hemm madwar 1,700 inkjesta maġisterjali pendenti tinkwetah sew.
Dr Abela qal dan fi sfond ta’ żvilupp fejn intalbet estensjoni oħra fl-inkjesta maġisterjali dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia.
Mal-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal, kif minkejja dan, il-Gvern qed jaħdem qatigħ biex itejjeb l-effiċjenza tal-qrati.
“Għalija huwa totalment inaċċettabbli li jkollok dan id-dewmien u fil-fatt dan kien proċess li konna qegħdin naħdmu fuqu f’dawn l-aħħar xhur, se jkun ifisser li jkollna qrati li jkunu speċjalizzati fuq l-inkjesti maġisterjali biss. Se jkun ifisser li se nkunu qegħdin insaħħu l-korp tal-maġistratura anke billi jkollok maġistrati, jekk għandhomx ikunu erbgħa jew numru ieħor, imma l-indikazzjonijiet huwa li jkunu madwar erbgħa, li jkunu ddedikati lejn ix-xogħol tal-inkjesti biss, huwa l-ħsieb li nemmnu kif għandu jiġi indirizzat dan il-backlog.”
Dwar il-persuni responsabbli minn din l-inkjesta, Dr Abela sostna li joffru serħan il-moħħ.
“Il-ħatra tal-ismijiet toħroġ mil-liġi u hija fdata lili però li rajt huwa li l-ismijiet li effettivament ħabbart issa jkunu nies li dwarhom mhux biss il-Parlament ikun ta l-unanimità ta’ approvazzjoni fil-ħatriet Kostituzzjonali u istituzzjonali li jokkupaw, imma li jagħtu serħan il-moħħ li, ibda minni l-ewwel wieħed, ma qed nipprova ngħatti xi ħaġa lil xi ħadd.”
Intant, il-Prim Ministru kompla jenfasizza l-importanza tal-inkjesta maġisterjali u kif hija l-iprem għodda biex jitressqu n-nies quddiem il-ġustizzja.
“Ħa nagħti eżempju li jista’ jiġri. Aħna qed ngħidu llum indikattivament 60 ġurnata għal din l-inkjesta u tliet membri appuntati f’dan il-bord, jgħalqu fis-sittin ġurnata u jippubblikaw ir-rapport tagħhom u l-Maġistrat tibqa’ titlob l-estensjonijiet u tmur lil hinn mis-sittin ġurnata. Dan ir-rapport ma jistax jgħid u jidħol fil-kwistjoni dwar min għandu jitressaq il-Qorti u qas għandu jagħmilha għax fil-mument li tagħmel hekk ippreġudikajt kompletament il-proċeduri kriminali u ċivili.”