F’intervista mal-ġurnalist Tim Diacono, il-Mexxej Laburista Robert Abela sostna li huwa jemmen f’Partit Laburista miftuħ għall-ideat biex mill-Gvern ikompli jġib il-bidliet li hemm bżonn fil-pajjiż.
Huwa kien qed jitkellem dwar dan f’kuntest li f’nofs ix-xahar id-dieħel se ssir il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, li fiha se jsiru l-elezzjonijiet għall-karigi ta’ Deputati Mexxejja u ħatriet oħra fl-amministrazzjoni tal-Partit Laburista.
Hawnhekk Dr Abela sostna l-importanza tal-ġudizzju li jridu jagħmlu d-delegati tal-Partit Laburista.
“Jiena nemmen li d-delegati fil-ġudizzju li jridu jagħmlu huwa li jridu jaraw partit illi jkompli jinfetaħ, ikompli jiġi aktar appellabbli għal dawk li huma moderati fis-soċjetà tagħna, li jappella dejjem aktar għal faxxa wiesgħa tal-poplu tagħna. Kull meta fis-snin passati riċenti il-Partit Laburista ngħalaq fih innifsu tilef l-elezzjonijiet.”
Il-Prim Ministru saħaq li jekk il-partit immexxi minnu jibqa’ miftuħ u jkun aktar appellabbli, fl-2027, il-Partit Laburista jista’ jġib riżultat b’saħħtu.
“Jien nemmen, x’nemmen jiena, illi billi nibqgħu miftuħin u iktar appellabbli fl-2027 il-Partit Laburista jista’ jġib riżultat b’saħħtu b’saħħtu li jixbaħ dak ta l-2022 li kienet l-akbar maġġoranza li qatt kellu l-Partit Laburista sakemm sakemm jittieħdu d-deċiżjonijiet il-korretti.”
Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-Gvern qatt m’hu perfett, bil-poplu jrid ġejjieni aħjar billi jtejjeb u jsaħħaħ dak li nkiseb u pajjiżna jkun aqwa milli hu.
“Il-poplu jrid jgħid dawn huma esperjenzi ejja nħalluhom warajna nitgħallmu minnhom u għada nagħmlu aqwa mil-lum.”