Permezz tal-Labour Migration Policy se jintlaħaq l-għan li f’pajjiżna jidħlu biss dawk il-ħaddiema li verament hemm bżonnhom. Dan intqal mill-Prim Ministru Robert Abela f’kitba fuq il-gazzetta It-Torċa.
Dr Abela qal li l-Gvern se jinvesti bil-kbir fl-edukazzjoni vokazzjonali u titreġġa lura d-deċiżjoni żbaljata meta ngħalqu l-iskejjel tas-snajja’.
Semma wkoll kif il-politika industrijali nbidlet minn waħda li tħares lejn kemm jinħolqu impjiegi għal enfasi fuq il-valur miżjud.
Dwar is-settur turistiku, il-Prim Ministru qal li l-politika tal-Gvern qed timxi minn tkabbir fl-ammont ta’ wasliet għal titjib fl-ammont ta’ spiża ras għal ras ta’ kull turist.
Intqal li biex tevolvi l-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna hemm bżonn li l-istrateġiji kollha jkunu kollha fuq l-istess linja u hawnhekk semma l-Viżjoni Malta 2050. “Biex nevolvu l-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna, hemm bżonn li l-istrateġiji kollha tal-ministeri u l-entitajiet tagħna jkunu kollha fuq l-istess linja. Dak huwa l-qofol tal-Viżjoni Malta 2050 – dik li tarmonizza l-pjanijiet tal-Gvern u joħloq miri ċari li jkunu milħuqa fis-snin li ġejjin. Viżjoni ċara li se tibbenefika minn konsultazzjoni wiesgħa ħalli flim kien naħdmu lejn pajjiż ta’ kwalità.”
F’dan l-artiklu, Dr Abela qal kif il-ħaddiema huma l-bażi tal-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna. Intqal li minn sitwazzjoni fejn konna niffokaw fuq il-faċilità li jinħolqu postijiet ġodda ta’ xogħol, issa rridu niffokaw li jiġu kkreati ħiliet.