Prijorità ewlenija tiegħi u tal-Gvern immexxi minni hija l-ħarsien tal-ambjent għaliex li nagħmlu lil Malta nadifa u ħabiba iżjed tal-ambjent huma għanijiet komuni.
Dan sostnieh il-Prim Ministru Robert Abela f’artiklu li kiteb fuq il-futur ta’ pajjiżna fis-sit The Journal.mt.
Il-Prim Ministru tkellem dwar l-isfida tal-pandemija u kif kellhom jittieħdu deċiżjonijiet importanti biex ġew salvati l-impjiegi.
Fuq l-ambjent saħaq li hekk ukoll ittieħdu deċiżjonijiet f’dawn l-aħħar sentejn biex l-ambjent jingħata tassew prijorità.
Hawn semma l-ftehim li ntlaħaq biex art fiż-Żonqor u fil-Kottonera li kienet se tiġi żviluppata mill-Università Amerikana ta’ Malta, terġa’ tingħata lura lin-nies.
Semma wkoll għadd ta’ inċentivi favur l-ambjent fosthom miżuri li tħabbru fil-Budget li bihom nies li jixtru proprjetà f’żona ta’ konservazzjoni urbana huma eżentati mit-taxxa tal-boll fuq prezz massimu ta’ €750,000 u ffrankar f’VAT sa massimu ta’ €54,000.
Dan apparti l-miżura li bdiet tgħodd mill-għada tal-Budget, jiġifieri sa minn Ottubru li għadda, fejn persuni li jinvestu f’vettura li tniġġes anqas, plug-in hybrid, jieħdu għotja mill-Gvern sa massimu ta’ €12,000.
Fl-artiklu fuq The Journal il-Prim Ministru fakkar kif il-Kummissjoni Ewropea fissret il-Pjan ta’ Rkupru mill-pandemija li fassal il-Gvern Malti bħala l-iktar wieħed ambjentali fl-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru tkellem dwar il-futur ta’ pajjiżna li fih ikun hawn iżjed spazji ħodor u miftuħa għall-familji.
Qal li hu u l-Gvern li jmexxi se jibqgħu jieħdu deċiżjonijiet importanti favur il-futur ta’ Għawdex u Malta.