Quddiem folla sabiħa fil-Fgura, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem kif din il-ġimgħa, fil-Kabinett tal-Ministri komplew id-diskussjonijiet għal aktar iniżjattivi maħsuba biex jgħinu lin-nies quddiem l-isfida tal-għoli tal-ħajja.
“Iva u nista’ naqsam din l-aħbar magħkom illum, flimkien mal-għajnuniet li qegħdin nagħtu fl-enerġija se nkomplu noħolqu aktar inizjattivi biex ngħinu lin-nies kontra l-isfida tal-inflazzjoni.”
Dr Abela qal li fil-laqgħat li jkollu man-nies dan huwa t-tħassib ewlieni li jaqsmu miegħu. Hawnhekk il-Prim Ministru qal li filwaqt li l-inflazzjoni għal ħafna oġġetti nieżla, il-prezzijiet tal-ikel donnhom eċċezzjoni.
“Issa hemmhekk ukoll kellna għażla. Staqsejna lil min staqsejna esperti, tħaddidna ma’ min tħaddidna kulħadd qalilna, dak huwa s-suq liberu ma tistgħu tagħmlu xejn. U kieku kellek taqbad il-ktieb tal-liġi, ir-realtà vera dak huwa suq liberu u l-Gvern ma jistax jindaħal fih u ma jista’ jagħmel xejn. Però la qtajna u lanqas se naqtgħu qalbna quddiem realtà tan-nies.”
Dr Abela sostna li Gvern Laburista qatt mhu se jħaddan il-politika ta’ awsterità, iżda se jibqa’ għaddej bil-politika ta’ stabbilità.
“U huwa għal dak il-għan, li se nkunu qed niffukaw il-ħidma tagħna fil-jiem li ġejjin. Stajna għadna bħal ħaddieħor ma tista’ tagħmel xejn. Aħna m’aħniex dak il-Gvern li aħna insensittivi għar-realtajiet tan-nies u meta tkun temmen li trid tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies, trid tagħmel dak kollu li huwa possibli biex dawk ir-realtajiet tindirizzahom.”
Għall-kuntrarju, il-Prim Ministru sostna kif l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qatt ma tiġġieled il-ġlieda tan-nies u minflok tinfexx fil-bsaten fir-roti.
“Minjaf x’reżistenzi ġejjin u se jgħidulkom, mhux sew dak li qed jagħmel il-Gvern. Tafu għaliex imma? Għaliex huma distakkati mill-poplu. Dawn qatt ma jiġġieldu l-ġlieda tagħkom, qatt ma jiġġieldu l-ġlieda tal-poplu. Moħħhom biex jipproteġu l-interessi ta’ ħaddieħor. Magħna tafu fejn qegħdin u taf li aħna se niġġieldu l-ġlieda tagħkom, għalikom.”
Dr Abela tenna li l-Gvern min-naħa l-oħra jħoss il-polz tal-poplu.
“Aħna m’aħna qatt se naqtgħu qalbna quddiem kull bsaten fir-roti li se jagħmlulna. Aħna smajna l-karba tagħkom u m’aħniex se naqtgħu niefqu naħdmu sakemm tieħdu dak li ħaqqkom.”
Fil-Fgura, il-Prim Ministru Robert Abela tenna dan il-messaġġ importanti.
“Imma biex nibqgħu nkunu l-Gvern tan-nies, għandna bżonn lillkom ilkoll warajna, lillkom ilkoll warajna. Kull wieħed u waħda minnkom. Issa huwa ż-żmien li terġgħu turu f’liema direzzjoni tridu tieħdu lil pajjiżna – dik li jibqa’ miexi ’l quddiem jew li noħduh lura.”