Mil-lum, l-Uffiċċju tal-Kabinett beda jilqa’ l-applikazzjonijiet biex żgħażagħ bejn is-16 u l-35 sena jkunu jistgħu jsiru membri fil-Youth Advisory Forum. Il-Forum twaqqaf sabiex iservi ta’ organu fejn il-Gvern jikkonsulta b’mod kontinwu maż-żgħażagħ fuq liġijiet, strateġiji u pjanijiet dwar temi ta’ importanza nazzjonali.
It-twaqqif ta’ dan il-forum tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela, ftit tal-ġimgħat ilu, waqt laqgħa tal-Kabinett maż-żgħażagħ fl-MCAST, Raħal Ġdid.
Dakinhar il-Prim Ministru saħaq li din il-laqgħa ma kellhiex tkun laqgħa ta’ darba, iżda ried li jibqa’ jiddjaloga maż-żgħażagħ b’mod kontinwu.
F’messaġġ fuq il-midja soċjali, Dr Abela qal li post iż-żgħażagħ huwa fil-qalba ta’ fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet.
Il-Forum se jiġi ffurmat minn grupp ta’ disa’ żgħażagħ li ser jintgħażlu minn bord tal-għażla kompost minn uffiċjali pubbliċi u rappreżentant tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, il-KNŻ.
Il-membri appuntati fil-Youth Advisory Forum se jkunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom f’laqgħat regolari mal-Prim Ministru li ser ikun qed imexxi dawn il-laqgħat.
Il-KNŻ ser ikun jista’ jwassal il-pożizzjonijiet tiegħu u tal-għaqdiet fi ħdanu f’dawn il-laqgħat billi wieħed mill-membri ser ikun innominat minnu.
Il-membri jservu fil-Forum għal perjodu ta’ 18-il xahar u jkollhom ċans jerġgħu jiġu appuntati għal terminu ieħor biss.
Żgħażagħ li huma interessati jservu fil-Youth Advisory Forum jistgħu japplikaw online fuq www.primministru.gov.mt.