Waqt l-attività politika tal-Partit Laburista fil-Birgu, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar l-għajnuniet li se jagħti l-gvern lil dawk li se jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom, fl-istess ġimgħa li tħabbru d-dettalji tal-iskema li se tagħti elf ewro fis-sena għal għaxar snin lil dawk li xtraw proprjetà s-sena li għaddiet u li għaliha ħadu self mill-bank.
Huwa qal li l-gvern jemmen bis-sħiħ fil-ġustizzja soċjali, u għalhekk wieħed irid jieħu din il-miżura fil-kuntest ta’ għajnuniet oħra li ntroduċa l-gvern fl-aħħar snin.
Qal, “Insemmi l-ħelsien, jiġifieri l-eżenzjoni mit-taxxa tal-boll, insemmi l-ħafna benefiċċji li hemm jekk tixtri proprjetà li tkun ġewwa l-village core, jiġifieri f’urban conservation area, jew li tixtri proprjetà li tkun ilha battala għal numru ta’ snin.”
Il-Prim Ministru ġab eżempju biex jispjega s-sostenn li jirċievu koppji li jsiru sidien ta’ darhom.
Spjega kif issa, dawk li jixtru dar li ilha battala għal numru ta’ snin, jew proprjetà fil-qalba tal-irħula biex jirranġawha u jgħixu fiha, issa mhux se jħallsu ċenteżmu f’taxxa tal-boll.
Fuq proprjetà ta’ €300,000, imqabbel ma’ qabel il-bidla fil-Gvern fl-2013, dawn jiffrankaw kważi €13,000 f’taxxi. Barra minn hekk, jieħdu wkoll grant ta’ €15,000 b’miżura li ddaħħlet fis-seħħ is-sena l-oħra għal dawk li jixtru f’żoni UCA, liema grant hija doppja jekk il-proprjetà tkun f’Għawdex.
Issa, bl-iskema li tidħol fis-seħħ fl-għoxrin ta’ Frar, il-first-time buyers se jingħataw għaxart elef ewro oħra, li ttella’ s-somma ta’ sostenn għal tmienja u tletin elf ewro.
Apparti minn hekk, il-Prim Ministru spjega li dawk li se jirrestawraw id-dar, jingħataw għotja sa massimu ta’ €54,000.
Robert Abela nnota li dawn l-għajnuniet huma frott għażla li għamel il-gvern biex jiddirezzjona s-suq tal-proprjetà mingħajr ma jitfa’ piż żejjed fuq ix-xerrejja.
Qal, “U nagħmluh dan, għax aħna m’aħniex il-gvern tal-kastig, aħna l-gvern tal-inċentiv, u l-poplu tagħna rridu nieħduh fid-direzzjoni li fiha nemmnu li għandu jimxi dan il-pajjiż billi nagħtuh l-inċentivi li huma meħtieġa.”