Se nibdew bi proċess ta’ bidliet kemm f’livell ta’ Gvern kif ukoll f’livell ta’ Partit Laburista, fejn irridu nżommu l-polz tal-poplu dejjem fil-ħidma tagħna.
Dan kien il-messaġġ li għadda mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela meta kien intervistat fuq l-istazzjon ONE minn Claudia Cuschieri t-Tnejn filgħaxija.
Hu kien qed jitkellem ġurnata wara r-riżultat tal-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, fejn il-Partit Laburista rebaħ din l-elezzjoni b’maġġoranza ta’ aktar minn 8,400 vot.
Fl-istess intervista, il-Prim Ministru sostna dwar l-importanza tal-umiltà.
“Hemm fejn in-nies jippretendu minna li nagħmlu differenti u nemmen li nistgħu nagħmlu differenti. Issa tgħidli, l-aptit, u fl-aħħar mill-aħħar il-volontà u r-rieda. Iva, qegħdin hemmhekk. Ħa nitilqu għalih dan il-proċess ta’ riforma interna fi ħdan il-Partit. Riformi wkoll fi ħdan il-Gvern. Riformi ta’ policies. In-nies policies iriduna nitkellmu, jiġifieri min jipprova jaħseb li n-nies qed jitkellmu b’mod vag, in-nies jitkellmu b’mod konkret. Aqbad iż-żgħażagħ, b’mod mill-aktar konkret u dixxiplinat jitkellmu, temi ambjentali, tema ta’ kostuzzjoni, tema ta’ ndafa, tema akkademiki fejn irridu ninvestu aktar fl-edukazzjoni tagħna, proġetti edukazzjonali li rridu ninvestu fihom. Dawk huma. Biss però għandna l-kapaċità li nagħmluha dik, għandna l-aptit, nibqgħu saqajna mal-art, nibqgħu dejjem umli u dan il-messaġġ nerġa’ nibgħatu lil kulħadd. Kull min qiegħed fl-istrutturi tal-Gvern, l-entitajiet, kapijiet eżekuttivi, Segretarji Parlamentari, Ministri, lili nnifsi , nibqgħu umli.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Intqal li l-elezzjoni tas-Sibt għaddiet messaġġ b’saħħtu biex jiġu implimentati l-bidliet, fosthom dawk ambjentali, id-drittijiet ċivili u dawk tan-nisa.
Dr Abela ddikjara li se jieħu deċiżjonijiet kuraġġjużi li jkunu mnebbħin biss mis-sewwa.
“Però, imbagħad, ngħid li hemm il-prinċipju li tista’ tgħid jikkappeġġja kull riforma li rridu nagħmlu. Jekk aħna hux se mmorru fit-triq li niddefendu s-sewwa u s-sewwa biss, u nemmen li dak irid ikun il-prinċipju li għandu jmexxina ’l quddiem. Issa tgħidli din xi tfisser? Tista’ tfisser ħafna affarijiet. Kulħadd jaf xi tfisser.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Hawn Dr Abela għadda wkoll messaġġ b’saħħtu.
“Żbalji għamilna wkoll, però r-rimorsi li m’għandix hu li ma kienx hemm, tgħidli jekk kelli nanalizza, f’dawn l-aħħar xhur, kellna nagħtu minuta ta’ impenn, xogħol jew sagrifiċċju, diffiċli nsibha. Ma jfissirx m’għamilniex żbalji, jiġifieri differenti qed ngħid. Imma l-impenn kien wieħed totali għal waħda: politika, lanqas partiġġjana ngħid, kawża ta’ poplu. Issa dak l-impenn qiegħed jurih kulħadd? U dak ma ngħidux biex għal min qiegħed fit-top tier, bħali, għax hemmhekk nara grupp ta’ nies li qed jaħdmu u sodisfatt bil-ħidma tagħhom, l-impenn, dedikazzjoni. Imbagħad meta tibda nieżel ’l isfel. Kull min hu fl-istruttura tal-Gvern mhux qiegħed hemm għal xi cushy job u dan il-messaġġ irrid nibgħatu ċar. Min qiegħed għal dak it-tip ta’ xogħlijiet, minn għada jieħu d-deċiżjoni, qabel tiġi sforzata fuqu.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru kien sod ukoll meta qal li, ta’ kuljum, tikber ir-rieda fih biex jaħdem u jieħu deċiżjonijiet kuraġġjużi favur il-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Partit Laburista beda immedjatament b’din il-ħidma, inkluż b’laqgħa konġunta tal-Eżekuttiv u l-Grupp Parlamentari Laburista fejn ġie diskuss il-futur tal-partit u tal-pajjiż.
Tkellem ukoll dwar il-kwalitajiet ewlenin li għandhom it-tliet Membri Parlamentari Ewropej f’isem il-Partit Laburista – Alex Agius Saliba, Daniel Attard u Thomas Bajada.