L-istil tat-tmexxija ta’ dan il-Partit, li jiltaqa’ man-nies u jisma’ l-prijoritajiet ta’ kulħadd, għandu jibqa’ mhux biss waqt il-kampanja elettorali, imma anke wara.
Saħaq dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt intervista mill-ġurnalist Samuel Lucas fuq ONE.
Il-Prim Ministru tenna li, hekk kif qabżet nofs il-kampanja elettorali tal-Partit Laburista, qed iħossu sodisfatt li, bl-attivitajiet li qed jiġu organizzati, qed jiltaqa’ man-nies u jisma’ l-opinjonijiet u l-esperjenzi tagħhom.
“Hemmekk tara din is-sinerġija fejn inti bl-esperjenzi personali li tkun qed tisma’ mingħand in-nies, tkun imbagħad tista’ tilqa’ u tkun proattiv fil-miżuri li tagħmel. Jiġifieri dak huwa s-sabiħ tal-kampanja. Imma tgħidli għandna target sat-tmienja ta’ Ġunju vera imma lil hinn minn hekk ukoll u x’se nagħmlu wkoll li wara t-tmienja ta’ Ġunju dan l-istil inżommuh.”
Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela
Dr Abela spjega li, fi sfond ta’ żewġ gwerer, dan il-Gvern qatt ma ddistakka ruħu minn man-nies u n-negozji u tenna li hu b’hekk li żżomm il-fiduċja tan-nies.
B’rabta mat-381 kandidat tal-Partit Laburista għall-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, il-Prim Ministru qal kif kollha għandhom l-istess għan, li jagħmlu bidla fil-lokalità tagħhom. Għalhekk saħaq li dan il-Gvern nieda manifest għal kull lokalità.
Hawnhekk semma d-differenza ċara li teżisti bejn dan il-Gvern u l-Partit Nazzjonalista, li m’għandu l-ebda pjan, ħlief dak kif se jikseb il-poter b’kull mezz.
“Għandek Partit Laburista b’manifest għal kull lokalità, b’manifest tal-Parlament Ewropew u l-Partit Nazzjonalista baħħ assolut u l-unika manifest li għandhom jissejjaħ inkjesta. U fik hija r-realtà. Jiġifieri l-Partit Nazzjonalista xi tfisser għalih Ewropa għall-Maltin? Tfisser il-karigi personali tal-esponenti ewlenin li se jkunu qed itellqu fuq it-ticket tal-Partit Nazzjonalista? Għax jien qed nifhem li dik tfisser. Se tkun tfisser iva għal dak kollu li jagħmlu Brussell? Dawk huma l-ħtiġijiet tal-poplu tagħna? Ara aħna qed nitkellmu b’mod differenti.”
Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela
Il-Prim Ministru kompla kif kull lokalità fiha r-realtajiet tagħha, però bħalissa il-maġġoranza tan-nies qed jitkellmu dwar l-indafa pubblika. Hawnhekk spjega diversi miżuri li qed jieħu dan il-Gvern, fosthom l-investiment tal-makkinarju, fl-intelliġenza artifiċjali fid-Dipartiment tat-Tindif u kundizzjonijiet aħjar lill-ħaddiema li jaħdmu f’dan id-dipartiment.
Però hawn il-Prim Ministru saħaq fuq l-importanza tal-ħidma tal-kunsilli lokali favur l-indafa pubblika.
Mistoqsi dwar is-servizzi tas-saħħa f’pajjiżna, il-Prim Ministru fakkar fis-servizz tal-IVF fejn dan il-Gvern investa aktar minn sitt miljun ewro biex jgħin lil dawk il-koppji li għandhom diffikultà biex ikollhom tarbija.
Tenna li din il-miżura kienet kruċjali biex, b’mod spedit, dawn il-koppji ikunu jistgħu jieħdu dan is-servizz u bla dewmien żejjed.
Intant Dr Abela tenna li l-periklu kbir li qed jerfa’ rasu, hu li l-Partit Nazzjonalista qed jipprova jonsob lin-nies biex jitilfu l-kalma. Hawnhekk il-Prim Ministru qal li din it-tattika perikoluża tmur lura għat-tmeninijiet u li l-istil ta’ politika ta’ mibegħda mhijiex waħda li taspira lill-Partit Laburista.
“Ara ma taqgħux f’xi forma ta’ provokazzjoni. Ara ma jkunx hemm xi ħadd li jitlef il-kalma. U jiena nibgħat dal-messaġġ ukoll lill-ogħla diriġenti tal-Partit Nazzjonalista. Tkunux irrisponsabbli f’mumenti bħal dawn. Tkissrux li dan il-pajjiż tul il-medda tas-snin bena u qed nitkellem b’mod kollettiv bħala soċjetà waħda. Ejja nippriservaw dak li jgħaqqadna aħna, das-sabiħ ta’ trankwilità li għandna fil-pajjiż.”
Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela
Dr Abela temm din l-intervista b’messaġġ ċar dwar l-importanza tal-elezzjonijiet tat-tmienja ta’ Ġunju biex dan il-pajjiż jibqa’ jitmexxa b’politika ta’ sostenn.
“It-tisħiħ tal-pensjonijiet, children’s allowance, it-tisħiħ tal-inwork benefit, li nżommu tant miżuri li daħħalna. Trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd, trasport bil-baħar b’xejn bejn l-ibliet. Pataflun miżuri bħall-qalba diġitali, il-qalba lejn ekonomija aktar ħadra. Dawn huma l-isfidi li għandna quddiemna u għalhekk huwa meħtieġ mandat b’saħħtu ħalli nibqgħu nimplimentaw b’mod saħħtu il-Manifest Malta Flimkien.”
Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela