F’laqgħa ta’ qabel il-Baġit li kellu mal-General Workers’ Union fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Baġit li se jitressaq għas-sena d-dieħla mhux se jkun difensiv biss iżda wieħed ambizzjuż ukoll biex ikattar l-investiment u jġib iżjed xogħol.
Il-Prim Ministru qal li l-Baġit li ġej se jkun wieħed partikolari, saħansitra iżjed mill-aħħar tnejn li tressqu waqt il-pandemija. Dan se jkun l-ewwel wieħed minn ħamsa li se jibnu fuq xulxin biex jiġi implimentat il-pjan ta’ ħidma u jitwettqu l-wegħdi elettorali kollha.
Għall-parti l-kbira tal-laqgħa, il-Prim Ministru u l-ministri li attendew miegħu semgħu l-ħsibijiet tat-tmexxija u r-rappreżentanti tal-GWU fil- proċess ta’ konsultazzjoni li qed jagħmel il-Gvern.
F’kuntest tal-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, qal li f’pajjiżna xorta hawn għatx għal aktar impjiegi minn min iħaddem u saħaq fuq il-ħtieġa li nkomplu nsaħħu l-ħiliet tal-ħaddiema f’Malta.
Josef Bugeja aċċenna għall-importanza tad-djalogu soċjali u wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li l-Gvern se jibqa’ jsostni l-għajnuna fis-settur tal-enerġija u ċ-ċereali.
Il-GWU saħqet ukoll dwar il-fatt li l-mekkaniżmu preżenti ta’ kif jiġi stabbilit l-aġġustament għall-għoli tal-ħajja (il-COLA) għandu jibqa’ jiġi segwit, u qalet li se tibqa’ miftuħa għal diskussjonijiet futuri.
Il-Prim Ministru Abela saħaq fuq l-akbar għajnuna li għandha tibqa’ tingħata lil min l-aktar jeħtieġha, fosthom lill-familji bl-inqas dħul u lill-pensjonanti.
Huwa afferma mill-ġdid li l-Gvern huwa determinat li jkompli jgħin u jwieżen, b’mod partikolari fis-settur tal-enerġija. F’dawn is-sentejn, il-Gvern se jkun qed jgħin b’aktar minn biljun ewro biex iżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija sabiex il-piżijiet ma jintefgħux fuq il-ħaddiema u l-familji.
Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, il-Ministri Clyde Caruana, Julia Farrugia Portelli u Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, u d-Deputat tal-Gvern Glenn Bedingfield.