Il-Prim Ministru, Robert Abela, afferma mill-ġdid l-impenn tal-gvern Malti favur qalba sostenibbli u iżjed ekoloġika fl-industrija marittima.
Dr Abela kien qed jitkellem waqt l-inawgurazzjoni tal-uffiċini ġodda tar-Regional Marine Pollution Emergency Response Centre.
Dan iċ-ċentru huwa amministrat mill-Organizazzjoni Marittima Internazzjonali, l-IMO, fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda. Kien fis-sebgħinijiet, taħt l-eks Prim Ministru Dom Mintoff, meta Malta bdiet tospita dan iċ-ċentru biex jaħdem mill-qalba tal-Mediterran.
Il-Prim Ministru spjega li l-industrija marittima tikkontribwixxi mal-14 fil-mija fl-ekonomija Maltija u f’dan il-kuntest saħaq li l-importanza marittima m’għandhiex tkun limitata biss għal skop kummerċjali, iżda hemm ukoll l-aspett ambjentali u l-protezzjoni ta’ speċijiet fil-baħar.
Dr Abela sostna li l-ambjent marittimu huwa importanti għal Malta u se jkompli jingħata viżibilità. Mill-bidu tas-sena d-dieħla, Malta se tokkupa siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Il-Prim Ministru rrikonoxxa ħidmet dan iċ-ċentru u l-assistenza li dan iċ-ċentru ta għal dawn l-aħħar 45 sena f’pajjiżi li jmissu mal-baħar Mediterran, fosthom billi pprevjena t-tniġġis fil-baħar u rrisponda minnufih għal inċidenti fil-baħar li jikkawżaw it-tniġġis.
Il-Prim Ministru qal li Malta hija ħerqana biex tibqa’ tappoġġja lil dan iċ-ċentru għall-ġid tal-baħar Mediterran u l-pajjiżi li jmissu miegħu.
Intant waqt l-istess inawgurazzjoni tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, Kitack Lim, li saħaq li dan iċ-ċentru beda kapitlu ġdid f’uffiċini ġodda f’Sa Maison, fil-Furjana.
Lim irringrazzja lil Malta u qal li s-suċċess ta’ dan iċ-ċentru huwa dovut għal kollaborazzjoni b’saħħitha bejn l-IMO, il-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti, u l-Gvern Malti.
Qabel l-inawgurazzjoni, li għaliha attendew ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg u l-Ministru għat-Trasport, Aaron Farugia, saret laqgħa bilaterali bejn il-Prim Ministru Robert Abela u s-Segretarju Ġenerali tal-IMO, Kitack Lim.
Fil-laqgħa, li saret f’Kastilja, ġew diskussi l-miri għal tnaqqis tal-emissjonijiet u ntqal li din l-organizazzjoni għandha twassal il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, li tolqot tant lill-Mediterran, f’istituzzjonijiet relevanti oħra tan-Nazzjonijiet Magħquda.