Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq mill-ġdid dwar l-importanza tal-investiment fl-istudenti permezz ta’ stipendji u għotjiet oħra, li żdiedu b’miljun ewro għal din is-sena akkademika.
Dan intqal mill-Prim Ministru hekk kif iltaqa’ mal-istudenti, meta żar Freshers’ Week fl-Università ta’ Malta.
Hawnhekk il-Prim Ministru ltaqa’ u tkellem ma’ bosta studenti u rappreżentanti tal-għaqdiet studenteski li qegħdin jilqgħu lill-istudenti, permezz tal-istands imferxin mal-kampus tal-Università.
Dan fil-ġimgħa li bdiet sena akkademika oħra f’din l-istituzzjoni edukattiva terzjarja.
Meta kien qed jitkellem mal-istudenti u l-għaqdiet rispettivi tagħhom, il-Prim Ministru segwa mill-qrib id-dedikazzjoni u l-imħabba li għandhom dawn l-għaqdiet lejn ix-xogħol volontarju li jwettqu favur l-istudent, bil-għan li joffru l-aħjar esperjenza edukattiva matul il-kors ta’ studju.
Hawnhekk il-Prim Ministru kellu wkoll l-opportunità li jitkellem ma’ għadd ta’ kumpaniji, li matul din il-ġimgħa, għażlu li jmorru fl-Università u jitkellmu iżjed mill-viċin mal-istudenti dwar opportunitajiet ta’ xogħol f’diversi setturi differenti.
Dr Abela nnota li l-kumpaniji kollha jkunu qegħdin jistennew din il-ġimgħa b’entużjażmu qawwi sabiex iħajru iżjed studenti jidħlu fid-dina tax-xogħol waqt li jkunu qed jistudjaw.
Il-Prim Ministru qal li jimtela’ iżjed bil-kuraġġ meta jisma’ l-kumpaniji jgħiduli li qegħdin ġewwa l-Università għal skop wieħed; dak li jfittxu biex iħaddmu iżjed studenti magħhom.
Hawnhekk Dr Abela saħaq li s-settur privat huwa għatxan li jimpjega studenti tal-edukazzjoni terzjarja u qal li l-Gvern se jkompli jsostni lill-istudenti bl-għodda kollha meħtieġa.
Matul din iż-żjara, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima u r-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella.