Fil-Forti Sant’Iermu il-Prim Ministru Robert Abela preżenta pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika b’saħħtu b’nefqa ta’ kważi €900 miljun.
Il-pjan huwa msejjes fuq tliet pilastri; dak tat-tnaqqis ta’ spejjeż u aktar finanzjament lin-negozji u lill-familji, spinta lid-domanda domestika u sostenn qawwi dirett lill-industrija ta’ pajjiżna u favur ix-xogħol.
Il-pjan jinkludi €200 miljun oħra f’differiment tat-taxxi sal-aħħar t’Awwissu biex b’hekk in-negozji jiġu mgħejjuna f’likwidità.
Injezzjoni kbira ekonomika
Il-pjan li preżenta l-Gvern fih sensiela ta’ proġetti kapitali li fuq medda ta’ seba’ snin se jtejbu l-infrastruttura industrijali ta’ pajjiżna b’madwar €400 miljun, u €300 miljun f’sostenn lill-familji u lin-negozji ta’ pajjiżna.
Dan ifisser li dan l-intervent jiżboq dak li sar fix-xhur li għaddew.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru saħaq li dan il-pakkett ta’ miżuri li jolqtu lil kulħadd huwa l-akbar injezzjoni li qatt għamel Gvern fl-istorja ta’ pajjiżna.
Fil-fatt dan il-pakkett huwa ekwivalenti ta’ 6.7% tal-prodott domestiku gross tal-2019.
L-ebda taxxa fuq il-poplu
Il-Prim Ministru fisser kif dan il-pjan seta’ jkun possibbli għaliex kellna ekonomija reżiljenti u bi spazju fiskali.
Dr. Abela rrimarka li mhux se jkun qed jintaxxa lil poplu biex isostni dan il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika.
Dr. Robert Abela semma wkoll l-investiment qawwi fis-settur tas-saħħa li wassal biex Malta rreġistrat l-inqas tixrid tal-pandemija u l-inqas imwiet minn dan il-virus.
Saħaq li issa wasalna lura għan-normalità.
Miżuri ewlenin
Il-Prim Ministru semma miżura ewlenija li se tolqot b’mod pożittiv lill-familji Maltin u Għawdxin u anki lin-negozji.
Din hija l-miżura tal-voucher ta’ mitt ewro għal kull persuna li tgħodd sittax-il sena jew iżjed biex din is-somma tonfoqha f’lukandi, ristoranti u ħwienet oħra fost oħrajn.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll fuq in-negozji, dawk partikolarment li jaħdmu fil-qasam turistiku.
Qal li jista’ jasal żmien fejn titwessa’ l-lista tad-destinazzjonijiet li bħalissa tgħodd għal dsatax-il pajjiż.
Fl-istess konferenza tkellmu wkoll il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri.
Il-Ministru Scicluna semma żewġ miżuri oħra ewlenin, dik tar-rifużjoni ta’ 50% fil-kontijiet tad-dawl għan-negozji u tat-traħħis fil-prezzijiet tal-fjuwil.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Schembri preżenta l-akbar investiment infrastrutturali li qatt għamel Gvern fil-pajjiż.
B’investiment ta’ €400 miljun pajjiżna se jkollna Malta lesta għal għada biex tkun iżjed innovattiva.